Il-Ministru Evarist Bartolo ħabbar li fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar kien hemm xejn inqas minn 110 student u studenta li qed jitgħallmu fil-kontejners.
Dan hekk kif l-iskola fl-aħħar snin rat żieda drastika fl-ammont ta’ studenti tagħha, kawża anke tal-politika ta’ Gvern Laburista li jkabbar l-ekonomija billi jġib lejn Malta kemm jista’ jkun barranin.
Minkejja dan, din il-politika qed tiġi implimentata mingħajr pjan, bil-konsegwenza li pajjiżna llum-il ġurnata għandu inqas għalliema u inqas klassijiet milli hemm bżonn.
Filfatt, minn informazzjoni li l-Ministru Evarist Bartolo għadda fil-Parlament, jirriżulta li minn 877 student fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar fis-sena skolastika 2013/14, illum-il ġurnata wieħed isib xejn inqas minn 1,084 … dan ifisser żieda ta’ 207 studenti f’ħames snin.
Evarist Bartolo kien qed jirrispondi mistoqsija parlamentari li għamillu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Clyde Puli.
Wieħed irid jinnota wkoll li mill-istess lokalità hemm ukoll 209 studenti minn din il-lokalita’ li jattendu fi skejjel oħra: il-Primarja tal-Għargħur kif ukoll l-Induction Hub tan-Naxxar.
Dan hu riflessjoni ta’ dak li seħħ f’San Pawl il-baħar, fejn fl-aħħar snin il-popolazzjoni tal-lokalità kibret b’25 fil-mija…biex illum-il ġurnata jgħixu madwar 26,000 persuna.
L-iskola ta’ San Pawl il-Baħar hi biss eżempju wieħed ta’ skola li kienet imwegħda minn Gvern Laburista imma li x-xogħol fiha waqa’ lura u l-Gvern kien kostrett jirrikorri għall-kontejners biex fihom jitfa’ lill-istudenti.
Fl-aħħar jiem l-istess Ministru ħabbar ukoll li x-xogħol fl-iskola sekondarja taż-Żejtun tant waqa’ b’lura li l-Ministeru tal-Edukazzjoni mmexxi minn Evarist Bartolo se jkollu jirrikorri anke hawn għal containers biex jintużaw mill-edukaturi u l-istudenti.
//= $special ?>