Lokali

BREXIT: Maltin fl-Iskozja abbandunati u ddiskriminati

Qegħdin inqas minn sitt ġimgħat ‘l bogħod mid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u l-Maltin fl-Iskozja għadhom fl-għama dwar il-futur tagħhom. Minkejja l-insistenza u l-persistenza tal-Oppożizzjoni fil-Parlament biex il-Gvern Malti jorganizza numru ta’ laqgħat ta’ informazzjoni u għajnuna f’Edinburgh u bliet kbar oħra fir-Renju Unit, li fihom hemm komunitajiet Maltin imdaqqsa, l-Gvern Malti għadu ma laqgħax din it-talba tal-Oppożizzjoni.

Dan qalu David Stellini, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Affarijiet Ewropej u Brexit fi stqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjonalista.

L-istqarrija tgħid li l-Gvern informa li saret laqgħa organizzata mill-Kummisjoni Għolja (Ambaxxata Maltija) f’Londra għall-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit, b’uffiċjali mill-Gvern tar-Renju Unit. Aħna bħala Oppożizzjoni tlabna, kemm ‘il darba, biex issir l-istess tip ta’ laqgħa fl-Iskozja, f’Wales u fl-Irlanda ta’ Fuq għall-Maltin li jgħixu hemm. Minn Edinburgh sa’ Londra hemm madwar 650 kilometru u ħadd ma jista’ jippretendi li l-Maltin fl-Iskozja kellhom imorru lejn Londra għal din il-laqgħa. L-Assoċjazzjoni Maltija fl-Iskozja bagħtet numru ta’ emails lill-Kummissarju Għoli, li baqa’ ma rrispondiex. Jidher li l-Maltin li jgħixu fi Skozja jlaħħqu mal-10,000.

Dawn il-Maltin li qegħdin fl-Iskozja u oħrajn li jgħixu fir-Renju Unit qed jistaqsu affarijiet bażiċi, bħal pereżempju jekk hux se jkomplu jistgħu jaħdmu, jgħixu jew jistudjaw fir-Renju Unit u jekk hux se jkollomm aċċess għall-benefiċċji soċjali u s-servizzi li joffri l-Gvern tar-Renju Unit, li jinkludu l-edukazzjoni u s-saħħa. Dawn huma xi mistoqsijiet li qed jistaqsu dawn il-Maltin;
L-istudenti se jibqgħu jħallsu miżati baxxi jew le?
Se jkun hemm rikonoxximent reċiproku tad-degrees?
Il-pensjonanti Maltin li jgħixu fir-Renju Unit se jkomplu jirċievu l-pensjoni tagħhom?
Il-pensjoni tar-Renju Unit tista’ tiġi ttrasferita għal Malta jekk dak li jkun jiddeċiedi li jiġi joqgħod Malta fil-futur qarib?
Il-pensjonanti Maltin li għandhom xi pensjoni jew dħul ġej mir-Renju Unit, ser jiġu mpattati minn xi spejjeż jew taxxi ġodda?

L-Assoċjazzjoni Maltija fl-Iskozja wriet l-interess u organizzat laqgħat għall-Maltin mal-uffiċjali tal-Gvern tar-Renju Unit fl-Iskozja.

L-istqarrija ttemm tgħid li Minkejja dan il-Maltin fl-Iskozja qed iħossuhom abbandunati u ddiskriminati mill-Gvern ta’ pajjiżhom stess.