Atletika Sport

Caster Semenya tibda l-appell kontra l-IAAF

Illum beda l-appell li Caster Semenya għamlet minħabba regola ta’ restrizzjoni kontra l-livelli tat-testosterone fl-atleti femminili. Dan wara li l-IAAF iddefendiet ir-regola.

Semenya li għandha 28 sena u hi rebbieħa Olimpika fit-800 metru, qed tipprova ddawwar din ir-regola fil-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv. Iżda l-President tal-IAAF Sebastian Coe qal li r-regola tkun qed tipproteġi l-kompetizzjoni ġusta u miftuħa. Is-smigħ tal-każ se jdum sa nhar il-Ġimgħa, bil-verdett mistenni joħroġ sad-29 ta’ Marzu.

L-avukati ta’ Semenya u Athletics South Africa akkużaw lill-IAAF li kisru r-regoli ta’ kunfidenzjalità wara li żvelaw lista ta’ ħames esperti xhieda li se jixhdu f’isimhom. L-IAAF wieġbu u qalu li kellhom id-dritt li jagħmlu dan pubbliku. Taħt ir-regola tal-IAAF, l-atleti femminili b’livell għoli ta’ testosterone jkollhom itellqu kontra l-irġiel jew jibdlu l-avvenimenti sakemm jieħdu l-medikazzjoni biex inaqqsu l-livell.

L-atleti li jridu jikkompetu f’ċertu avvenimenti jridu jieħdu medikazzjoni għal sitt xhur u jżommu livell baxx ta’ testosterone. Kien hemm ħsieb li r-regola l-ġdida tiddaħħal fl-1 ta’ Novembru tas-sena l-oħra, iżda l-isfida legali minn Semenya u l-ASA wasslet biex ir-regola ġiet posposta sas-26 ta’ Marzu.

Lura f’Ġunju, Semenya kienet sejħet ir-regola proposta bħala mhux ġusta u żiedet li “Irrid niġri naturali, il-mod kif twelidt.” Bħala atleta ta’ 18-il sena, Semenya kienet mitluba biex tagħmel test tal-ġeneru iżda l-ebda riżultati uffiċjali ma kienu pubbliċi. L-IAAF ċaħdet rapport il-Ħamis li għadda li l-avukati argumentaw li atleti bħal Semenya għandhom jiġu kklassifikati bħala rġiel.