L-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Paragwaj ħabbret uffiċjalment li ħatret lil Eduardo Berizzo biex jinħatar kowċ tat-tim nazzjonali. Berizzo se jieħu post Juan Carlos Osorio li rriżenja l-ġimgħa l-oħra wara ħames xhur li fihom mexxa lill-Paragwaj f’logħba biss.
Berizzo li kien l-assistent ta’ Jorge Sampaoli maċ-Ċili u kellu suċċess mal-klabb Ċilen O’Higgins, fil-passat kien ukoll kowċ ta’ Celta Vigo, Sevilla u Athletic Bilbao. Il-preżentazzjoni uffiċjali se ssir nhar il-Ġimgħa.
L-ewwel logħbiet fit-tmexxija għal Berizzo se jkunu x-xahar id-dieħel meta l-Paragwaj tilgħab logħbiet ta’ ħbiberija kontra l-Perù fi New Jersey fit-22 ta’ Marzu u kontra l-Messiku f’Santa Clara erbat ijiem wara. Il-Paragwaj tieħu sehem fil-Copa America f’Ġunju li ġej, bl-ewwel logħba kompetittiva ta’ Berizzo se tkun proprju f’din l-edizzjoni. Huma jinsabu fi Grupp B flimkien mal-Arġentina, il-Kolombja u l-Qatar.
//= $special ?>