Lokali Saħħa

“Hemm bżonn li persuni bid-Dementia jingħataw il-pilloli kollha”

Tgħid dan Marvic Cutajar, Caregiver li taħdem fil-qasam

Hemm bżonn li l-persuni bid-dementia jingħataw il-medicina kollha li għandhom bzonn. Dan intqal f’sessjoni parlamentari li matulha ġie ttrattat dan is-suġġett.

Fost dawk li ndirizzaw din is-sessjoni, kien hemm Marvic Cutajar, Caregiver li taħdem ma’ persuni bid-Dementia. Hi tkellmet dwar id-Dementia Centres li jeżistu f’pajjiżna, li iżda sfortunatament mhux qed jibbenefikaw minnhom ħafna persuni minħabba n-nuqqas ta’ trasport lejn dawn iċ-Ċentri.

Hi appellat sabiex isiru taħditiet mal-awtoritajiet biex dawn il-pazjenti jibdew jingħataw il-pilloli kollha li għandhom bżonn hekk kif bħalissa huma qed jingħataw biss nofshom. Xi ħaġa li qalet li mhux ġusta ma’ dawn il-pazjenti.

Fpst l-oħrajn indirizza s-sessjoni Robert Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali fejn tkellem dwar l-investiment li għamel f’dan il-qasam Gvern Nazzjnalista bin-nefqa ta’ €10 miljuni sabiex f’San Vinċnez de Paule infetħet ward apposta għal pazjenti bid-dementia, waqqaf Dementia Centres kif ukoll waqqaf helpline apposta. Hu saħaq fuq l-importanza li pajjiżna jieħu sal-inqas Ewro li hu eliġibbli għalih mill-fondi Ewropej għar-riċerka f’dan il-qasam.

Ivan Bartolo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni, qal li huwa importanti li nibnu soċjetà solidali sabiex il-bniedem jiġi dejjem fl-ewwel post.

Stephen Spiteri, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa qal li huwa importanti li tingħata l-aqwa kura lill-persuni bid-dementia u li jinżammu kemm jista jkun fis-soċjetà u fl-ambjent li mdorrijin fih.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Anzjanità Attiva, Maria Deguara saħqet fuq l-importanza li ngħinu lill-anzjani tagħna sabiex jibqgħu attivi għaliex dan jgħinhom jibqgħu aktar f’saħħithom anke mentalment.

Skont studju li kien sar mill-Università ta’ Malta, fl-2010 f’pajjiżna kien hawn 5,200 persuni bid-demetia jew Alzheimers, u dan in-numru hu mistenni jilħaq kważi l-10,000 sal 2030.