Mhumiex 2,500 imma x’aktarx madwar 5000.
Mhumiex se jkunu qegħdin hawn għal ftit xhur imma għal ‘għadd ta’ snin’
Mhumiex se jithħallsu skont il-pagi tal-ħaddiema fis-settur tal-bini bħalissa, imma inqas minn €800 fix-xahar.
Mhumiex se jkunu qed jaħdmu biss fuq il-bypass tal-Marsa, imma anke fuq numru ta’ proġetti kontroversjali.
Issa, it-Times ħarġet rapport dwar il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema Torok, li aktar jixbħu lil dawk ta’ pajjiż tat-tielet dinja milli dawk li mdorrijin bihom f’pajjiżna. Skont sorsi mill-industrija tal-bini li tkellmu mat-Times, il-kuntarttur Malti ma jista’ qatt jikkompeti ma’ dawn il-pagi baxxi.
Kif żvela Net News, il-ħaddiema Torok bdew jitpoġġew f’kontejners qrib il-proġetti li mistennija jaħdmu fuqhom.
Jidher li TACA Construction daħlet fi ftehim ma’ żviluppaturi privati sabiex jintużaw ħaddiema tagħha fuq proġetti li sa ftit tas-snin ilu kieku faċilment isiru minn ħaddiema Maltin.
Mhux magħruf x’tip ta’ ħiliet għandhom dawn it-Torok li se jkunu qed jaħdmu fuq dawn il-proġetti kbar.
Fost l-oħrajn, dawn il-ħaddiema se jkunu qed jaħdmu fuq il-bini ta’ torri ta’ uffiċini fuq is-sit tal-lukanda Fortina f’Tas-Sliema, proġett li minkejja li dwaru għadhom ghaddejin taħditiet mal-Awtortià tal-Artijiet, il-bini tiegħu diġa beda. Is-sidien tal-Fortina jinsabu f’taħditiet mal-Awtorità hekk kif l-art tagħhom kienet ingħatat għal żvilupp turistiku u issa jidher li se jkun qed jinbidel l-użu tagħha.
It-Torok se jkun qed jaħdmu wkoll fuq il-bini tal-estensjoni f’San Vinċenz de Paule, kif ukoll fuq il-proġett tas-City Centre f’San Ġiljan.
Il-wasla ta’ għadd ta’ ħaddiema barranin f’setturi differenti qed toħloq tħassib dwar kif dan qed jeffettwa l-pagi tal-Maltin. Dan għaliex hu fatt magħruf li ħaddiema barranin minn pajjiżi inqas żviluppati minn Malta jaċċettaw pagi u kundizzjonijiet ferm iktar baxxi minn dawk li jistennew il-Maltin, u dan qed jissarraf fiż-żamma ta’ pagi baxxi għall-ħaddiema Maltin.
//= $special ?>