Tislima xierqa lil ġentlom u raġel soċjevoli, li kien kapaċi jifraħ u jferraħ, iżda li fuq kollox ta ħajtu għal dawk ta’ madwaru, propju bħalma għamel Sidna Ġesù Kristu. Kliem Patri Marcellino Micallef fiċ-ċelebrazzjoni li matulha ngħatat l-Aħħar Tislima lil Paul Formosa, il-Malti ta’ 52 sena li fl-4 ta’ Frar inqatel waqt ħidmietu fis-Somalja.
Hu kien vittma tal-grupp terroristiku Al Shabaab qrib il-Port ta’ Bossasso, fejn kien qed jaħdem bħala Project Manager fil-kostruzzjoni tal-Port. Iż-żewġ terroristi wara dan l-attakk kienu nqatlu ftit tal-ħin wara.
Fl-Omelija tiegħu, Patri Marcellino rrepeta l-mistoqsijiet ta’ ħafna f’ċirkostanzi iebsin bħal dawn għax qal li ħafna jistaqsu fejn ikun Alla meta sseħħ traġedja bħal din. Spjega li l-konsolazzjoni tal-bniedem tinsab fi kliem Ġesù għax il-bniedem ma jistax ikollu tweġiba umana, ħlief is-sabar li jista’ joffrilu biss Ġesù.
Filwaqt li sellem lill-membri tal-Familja Formosa u dawk oħrajn qrib Paul, Patri Marcellino qal li Alla jinsab f’min qed ibati għax ixebbhu ma’ ibnu Ġesù, li bħalna mexa t-triq tat-tbatija. Appella lil mart Paul, Marika, u ż-żewġ uliedhom Maria u Sara biex jitolbuh iberikhom u fuq kollox, jitlob għalihom sakemm jerġgħu jiltaqgħu.
Fost dawk preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni, fil-Knisja Parrokjali ta’ Marsaskala ddedikata lil Sant Anna, kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u d-Deputat Nazzjonalista Mario Galea.
//= $special ?>