Kumitat Parlamentari tal-House of Commons tar-Renju Unit jinsisti li kien hemm laqgħat bejn l-ogħla uffiċċjali ta’ Henley & Partners u Joseph Muscat qabel l-elezzjoni tal-2013.
Il-Kumitat dwar l-oqsma diġitali, kultura, media u sport f’Westminster ħejja rapport dwar il-ġbir u l-użu ta’ informazzjoni elettronika li tista’ tintuża biex tinfluwenza votanti u għaldaqstant opinjoni pubblika u l-andament ta’ elezzjonijiet.
B’mod partikolari, l-investigazzjonijiet fil-kumpanija SCL – taqsira għal Strategic Communications Laboratories – u s-sussidjarja tagħha Cambridge Analytica u l-possibilita’ ta’ indħil u influwenza barranija fuq l-elezzjoni ġenerali tar-Renju Unit fl-2017, ir-Referendum dwar il-ħruġ mill-UE tal-2016 u r-Referendum dwar l-Indipendenza ta’ Skozja fl-2014.
Iżda fejn tidħol Malta f’dan ir-rapport? F’kapitlu dwar l-influwenza ta’ SCL f’elezzjonijiet barra mir-Renju Unit, ir-rapport tal-Kumitat Parlamentari Ingliż isemmi elezzjonijiet fejn kien hemm l-id moħbija ta’ SCL f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Il-Kumitat fakkar kif fir-rapport preliminari tiegħu, kien semma kif SCL kellha laqgħat f’Malta u l-istess SCL kienet introduċiet liċ-Chairman ta’ Henley & Partners Christian Kalin ma’ Joseph Muscat – dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni lura fl-2011.
Minkejja li kemm il-Gvern Malti u SCL kienu ċaħdu dan, il-verżjoni finali tar-rapport, li kienet ippubblikata l-ġimgħa li għaddiet, sostniet dak li ntqal fir-rapport preliminari wara li rat evidenza ta’ natura kunfidenzjali.
Ir-rapport jixħet dawl fuq kif taħdem Henley & Partners billi jirranġaw għal investituri biex jiffinanzjaw kampanji elettorali filwaqt li SCL jgħinu fl-organizzazzjoni ta’ kampanji elettorali. Ta’ dan, Henley & Partners jingħata drittijiet esklussivi għal skemi ta’ bejgħ ta’ passaporti.
Ir-rapport tal-Kumitat Parlamentari Ingliż wissa li persuni qed jakkwistaw passaport ta’ St Kitts and Nevis biex jaħslu l-flus u jevitaw sanzjonijiet internazzjonali. Ċittadin partikolari li jissemma hu magħruf f’pajjiżna.
Dan hu Ali Sadr Hasheminejad, l-Iranjan li permezz ta’ ċittadinanza mixtrija mingħand Henley and Partners, evada sanzjonijiet Amerikani u fetaħ bank f’Malta bl-isem ta’ Pilatus.
Hasheminejad safa’ arrestat f’Marzu tas-sena li għaddiet. Sadanittant, fi stqarrija, il-Gvern Malti reġa ċaħad li kien hemm laqgħat bejn SCL, Henley & Partners u Joseph Muscat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.
//= $special ?>