Lokali Transport

KISJA TARMAK: Gvern bla pjan għall-infrastruttura tat-toroq

Għalkemm il-Gvern Laburista kien qed wiegħed li l-mitt miljun euro fis-sena f’xogħlijiet tat-toroq kienu se jinkludu it-tiġdid tas-servizzi infrastrutturali bħad-drenaġġ u l-ilma kif ukoll it-tneħħija tal-cables tad-dawl minn mal-faċċati tad-djar, minn dan kollu mhu qed isir xejn.

Hekk stqarr il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputat Toni Bezzina.

Minflok sar pjan fit-tul biex jara li pajjiżna jagħmel qabża ‘l quddiem fil-kwalità f’dak li għandu x’ jaqsam mal-bini tat-toroq, bl-għaġla u b’nuqqas ta’ pjan serju, l-Gvern Laburista se jkun jonfoq miljuni ta’ euro fis-sena f’kisi bit-tarmak minflok jibdel s-servizzi infrastrutturali li jinsabu fit-toroq ta’ pajjiżna, u jibni kanali li jilqgħu dawn is-servizzi kif isir f’pajjiżi oħra.

Pajjiżna għandu bżonn tfassil ta’ soluzzjonijiet innovattivi li bihom it-toroq tagħna jservu ghall-50 sena li ġejjin u mhux minhabba nuqqasijiet ta’ pjan tal-Gvern se jerġgħu jkollhom jinqalgħu mill-ġdid fi ftit taż-żmien ieħor. Ma jistax ikun li jibqa’ jkollna Gvern li jara biss sal-ponta ta’ mnieħru. L-għerf mhux kemm tonfoq flus, iżda li l-flus li se jintefqu fuq toroq ġodda jintefqu:

  • Fejn verament hemm bżonn li jsir x-xogħol;
  • Dawn x-xogħlijiet isiru bi pjan serju wara li jkunu saru li studji neċessarji;
  • Li jsir xogħol ta’ kwalità u tal-ogħla livell biex dan x-xogħol jitgawda fit-tul;
  • Kull fejn ikunu se jsiru xogħlijiet ta’ toroq, il-Gvern irid jagħmel l-almu tiegħu biex jiġu salvagwardjati u ndukrati s-siġar eżistenti u fejn hu possibbli jitħawlu siġar ġodda.

Għalkemm jeżistu bosta soluzzjonijiet, l-Gvern Laburista qiegħed jirrisolvi ruħu biss għal soluzjonijiet faċli, li għalkemm fl-immedjat jistgħu jagħtu riżultat, fil-futur qarib se jerġgħu jfeġġu l-problemi.