Lokalità ċentrali bħalma hi Birkirkara, li minnha jgħaddu ta’ kuljum eluf ta’ Maltin, Għawdxin u turisti, għandha bżonn aktar investiment biex tissebbaħ u titgawda għas-snin li ġejjin. U dan hu dak li jrid jagħmel Kunsill ġdid immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista wara l-elezzjoni lokali tal-25 ta’ Mejju.
Hekk wiegħed il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem żjara fil-lokalità. Akkumpanjat mill-Kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, mid-Deputat Beppe Fenech Adami, mill-MEPs u Kandidati għall-Parlament Ewropew, kif ukoll mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono u minn membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista, hu qal li s-sidien tal-ħwienet iż-żgħar qed jingħaqdu mal-karba tar-residenti li l-parkeġġ qed jittiekel minn kullimkien.
Għaldaqstant, uħud minn tal-ħwienet qed isibuha diffiċli jkomplu jaħdmu minn Birkirkara.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li l-problemi tat-traffiku u l-parkeġġ huma kbar, iżda l-Gvern jidher li m’għandux intenzjoni mqar jibda jħares lejn dawn il-problemi. Dan minkejja li matul iż-żmien saru diversi suġġerimenti, fosthom anke mill-Kunsill Lokali, bil-Gvern jibqa’ qatt ma jagħti kas.
Fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, kienu saru proġetti ta’ toroq alternattivi biex jittaffa t-traffiku qawwi li jolqot dawn it-toroq. Iżda hu ċar li llum, dan m’għadux biżżejjed.
Min-naħa l-oħra, u filwaqt li nnota kif il-bankini u żoni pedonali oħra m’humiex aċċessibbli għal mingħandu xi diżabbiltà fiżika jew nuqqas ta’ indipendenza, Adrian Delia wiegħed li Kunsill ġdid immexxi minn maġġoranza Nazjonalista f’Birkirara jkompli jara li jaħdem aktar mill-qrib ma’ kull resident.
//= $special ?>