Futbol Sport

Manchester United jegħlbu l-ostaklu ta’ Chelsea u javvanzaw mal-aħħar tmienja tal-FA Cup

(Ritratt: EPA)

Żewġ gowls fit-tieni taqsima kienu biżżejjed għal Manchester United biex javvanzaw għas-semifinali tal-FA Cup b’rebħa ta’ 2-0 fuq Chelsea. Din kienet logħba diffiċli għal Manchester United wara li fir-rawnd preċedenti kellhom jeliminaw lil Arsenal 3-1. Din it-telfa għal Chelsea tkompli tpoġġi l-pressjoni fuq il-manager Maurizio Sarri hekk kif il-forma tagħhom fl-aħħar logħbiet xejn mhi tajba.

Kienu Chelsea li ħolqu l-ewwel periklu tal-logħba wara 11-il minuta, bil-gowlkiper ta’ Manchester United Sergio Romero jkun attent biex l-ewwel salva free-kick insidjuż ta’ David Luiz u mir-rebound salva x-xutt b’saħħtu ta’ Pedro Rodriguez.

Manchester United fetħu l-iskor fil-31 minuta bi kross sabiħ ta’ Paul Pogba fuq it-tieni lasta, bl-iżmarkat Ander Herrera jidħol tajjeb biex għeleb lil Kepa Arrizabalaga b’daqqa ta’ ras.

Ir-Red Devils irduppjaw qabel tmiem l-ewwel taqsima meta kien Paul Pogba li ħa vantaġġ minn żball ta’ Chelsea f’nofs il-grawnd u qassam lejn Marcus Rashford li avvanza u mil-lemin tefa’ kross fil-kaxxa, bl-istess Paul Pogba jogħla tajjeb biex għeleb lil Arrizabalaga b’daqqa ta’ ras.

Fit-tieni taqsima, Chelsea ddominaw il-pussess iżda ftit impenjaw lil Romero u aktar ma għadda l-ħin speċjalment fl-aħħar kwarta, Manchester United ikkontrollaw tajjeb sat-tmiem.

Tags