Futbol Sport

Nani jibdel il-ħames klabb f’ħames snin

(Ritratt: Sky Sports)

L-attakkant Portugiż Nani se jkompli l-karriera mat-tim tal-Major Soccer League Orlando City b’kuntratt ta’ tliet snin. Nani li għandu 32 sena u rebaħ erba’ darbiet il-Premier League ma’ Manchester United, ingħaqad magħhom mingħand Sporting wara li l-kuntratt tiegħu kien itterminat bi qbil bejn iż-żewġ partijiet.

Nani stabbilixxa ruħu fix-xena internazzjonali ma’ Manchester United fl-istaġun 2007/08 u baqa’ mar-Red Devils sal-2014 fejn skorja 41 gowl f’230 logħba. Wara li ħalla lit-tim Ingliż, Nani ftit kellu suċċess hekk kif lagħab ma’ Sporting, Fenerbahce, Valencia u Lazio, qabel irritorna ma’ Sporting f’Lulju li għadda.

Il-winger għen lill-Portugall biex tirbaħ il-Kampjonat Ewropew fl-2016 u kien fl-iskwadra għat-Tazza tad-Dinja tal-2014. Mal-Portugall hu lagħab 112-il logħba u skorja 24 gowl.

Tags