Futbol Sport

Rebħiet kbar għat-tliet timijiet ta’ fuq

(Ritratt: Maria Farrugia)

It-timijiet il-kbar kollha kisbu rebħiet hekk kif Birkirkara, Mġarr United u Hibernians skorjaw 18-il gowl bejniethom. Birkirkara rebħu 7-1 kontra Fgura United. Raina Giusti spikkat għall-Karkariżi hekk kif skorjat tripletta li fissru l-100 gowl mal-klabb meta għad għandha biss 21 sena. Hi skorjat fis-56, fis-78 u fit-83 minuta. Il-gowls l-oħra kienu skorjati minn doppjetti ta’ Alishia Sultana fil-35 u l-50 minuta u Tracy Teuma fis-sitt minuta u l-45 minuta. Kylie Monaco skorjat il-gowl ta’ konsolazzjoni għal Fgura mas-siegħa logħob.

Mġarr United żammew it-tieni post wara rebħa ta’ 5-1 fuq Raiders. Iż-żagħżugħa Haley Bugeja kompliet tiskorja hekk kif skorjat erba’ gowls minn ħamsa, b’Abigail Camilleri tiskorja l-gowl l-ieħor. Laura Muscat naqqset id-distakk fil-ħin miżjud għal Raiders.

Hibernians rebħu kontra Mosta 6-1. Mandy Debono fetħet l-iskor wara erba’ minuti iżda Mosta ġabu d-draw erba’ minuti wara b’gowl ta’ Martina Cortis. Iżda Hibernians reġgħu marru fil-vantaġġ b’żewġ gowls f’żewġ minuti ta’ Shona Zammit u Kayleigh Chetcuti. Dorianne Theuma u Jade Flask komplew ikabbru l-iskor fit-tieni taqsima.

Fil-logħba l-oħra, gowl ta’ Yolande Attard tat rebħa lil Swieqi United fuq Kirkop United. Il-plejer tat-tim nazzjonali Malti sabet ix-xibka fit-73 minuta.

Riżultati: Fgura U. v Birkirkara 1-7, Hibernians v Mosta 6-1, Kirkop United v Swieqi United 0-1, Mġarr United v Raiders 5-1

Kif Jinsabu wara 13-il logħba: Birkirkara 37 punt, Mġarr United 31 punt, Hibernians 26 punt, Kirkop United 17-il punt, Swieqi United 16-il punt, Raiders 13-il punt, Mosta 5 punti, Fgura United 2 punti

Logħob li jmiss: Illum: Charles Abela Stadium – Birkirkara v Kirkop United  8.15pm, Mġarr Ground – Swieqi United v Hibernians  8.15pm, Għada: Charles Abela Stadium – Mosta v Mġarr United 8.15pm, Mġarr Ground – Raiders v Fgura United 8.15pm

L-aqwa skorers: Haley Bugeja (Mġarr United) 21 gowl, Kailey Willis (Birkirkara) 11-il gowl, Jade Flask (Hibernians) 9 gowls