Internazzjonali

Ribelljoni fi ħdan il-Partit Laburista Ingliż

Matul il-ġurnata tat-Tnejn seħħet qasma kbira fi ħdan il-Partit Laburista Ingliż hekk kif seba’ Membri Parlamentari ħabbru li kienu telqu mill-partit u se jkunu qed ipoġġu bħala indipendenti fil-Parlament.

Dan il-pass ittieħed għaliex huma mhumiex jaraw għajn b’għajn mal-kap tal-partit Jeremy Corbyn, speċjalment dwar il-Brexit u l-atmosfera anti-Semitika li qed tirrenja bħalissa fil-partit. Dan kollu hekk kif fid-29 ta’ Marzu, ir-Renju Unit se jispiċċa minn membru tal-Unjoni Ewropea u għad m’hemmx ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar dak li se jiġri wara din id-data storika.

Dan apparti li hemm nuqqas ta’ qbil kbir fil-Partit Konservattiv li jinsab fil-Gvern dwar l-istess Brexit. Ħafna Membri Parlamentari Laburisti xejn mhuma kuntenti bid-direzzjoni li adotta l-partit taħt Corbyn, Soċjalista veterna li ħa t-tmun fl-2015. Huwa akkużat li qed joffri oppożizzjoni dgħajfa lill-Gvern rigward il-Brexit u li għamel ftit li xejn biex jelimina s-sentimenti anti-Semitiċi fi ħdan il-partit. Is-seba’ Membri Parlamentari li rribellaw għandhom bejn disgħa u 27 sena esperjenza fil-Parlament u jirrappreżentaw kostutwenzi madwar l-Ingilterra.

Dawn is-seba’ lestew il-pass tagħhom sew. Apparti l-isem, ‘The Independent Group’, huma għandhom ukoll sit elettroniku u statut tal-prinċipji li jħaddnu – li huma eqreb lejn dawk tal-Partit Laburista taħt Tony Blair milli ta’ Corbyn. Il-Membri Parlamentari li telqu mill-partit huma: Chuka Umunna, Luciana Berger, Chris Leslie, Angela Smith, Mike Gapes, Gavin Shuker u Ann Coffey.

Apparti l-kwistjoni tal-Brexit, tul dawn l-aħħar xhur il-Partit Laburista kien mifni minn allegazzjonijiet li taħt it-tmexxija ta’ Corbyn kien sar ostili lejn il-Lhud li jissimpatizza ħafna mal-kawża Palestinjana. Ukoll, ħafna Membri Parlamentari Laburisti huma kontra l-Brexit u jridu li Corbyn jiġġieled biex isir referendum ġdid li jista’ jwassal biex il-Brexit ma jseħħx. Imma Corbyn, li qabel ma laħaq kien kritiku kbir tal-Unjoni Ewropea, ma jrid jagħmel xejn li jista’ jitqies li qed imur kontra r-rieda tar-referendum li kien sar fl-2016. Corbyn min-naħa tiegħu qal li kien diżappuntat minn dan l-iżvilupp, speċjalment meta wieħed iqis li l-partit kien sejjer tajjeb fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika.