Formula 1 Sport

Sebastian Vettel jispiċċa fil-quċċata fl-ewwel ġurnata ta’ testijiet

(Ritratt: Formula 1)

Sebastian Vettel kellu ritorn fiċ-ċirkwit pożittiv hekk kif spiċċa l-ewwel ġurnata tat-testijiet f’Barcelona qabel l-istaġun. Vettel għamel ħin ta’ 1:18.161 u kien wieħed mill-uniċi żewġ sewwieqa li għamlu dawra taħt id-79 sekonda, filwaqt li għamel distanza totali ta’ żewġ tlielaq u nofs.

Carlos Sainz ta’ McLaren ħoloq ftit sorpriża meta temm it-tieni madwar 0.4 ta’ sekonda biex b’hekk beda l-esperjenza ma’ McLaren fuq nota pożittiva. Romain Grosjean ta’ Haas kienet it-tielet l-aktar veloċi.

Max Verstappen kellu ġurnata pożittiva bil-karozza Red Bull b’magna Honda. Hu spiċċa r-raba’ u ma kellux problemi fid-dawriet li għamel. L-Olandiż spiċċa qabel Kimi Raikkonen biex ħassar il-mument meta tilef il-kontroll u spiċċa barra ċ-ċirkwit.

Wara li ma ħarġux fl-ewwel parti tal-ġurnata, iċ-champion renjanti Lewis Hamilton u d-debuttant tar-Renault Daniel Ricciardo għamlu xi dawriet fit-tieni sessjoni. Hamilton temm fid-disa’ post filwaqt li Ricciardo spiċċa fil-11-il post. L-unika tim li ma ħariġx is-sewwieqa u l-karozzi tiegħu kien Williams, li kkonfermaw li mhux mistennija jagħmlu t-testijiet qabel għada.