Ren Zhengfei, il-fundatur tal-kumpannija Ċiniża għall-informatika Huawei, qal li ‘mhemmx mod li bih l-Istati Uniti tista’ tkisser’ lill-kumpannija’. Dan waqt li hu esprima fiduċja li din l-entità — ġgant fis-settur partikulari — se tilqa’ għal kull pressjoni.
Zhengfei qal ukoll li l-arrest ta’ bintu, Meng Wanzhou — l-uffiċjal finanzjarju ewlieni tal-Huawei — fuq id-direttivi tal-Istati Uniti ‘kellu warajh skop ċar politiku’.
L-Istati Uniti qed tippersisti b’akkużi kriminali kontra l-Huawei u Meng fost allegazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus, frodi bankarja u serq ta’ sigrieti industrijali.
Dan meta kelliema għall-Huawei qegħdin jiċħdu dwar l-allegati reati u irregolaritajiet.
Sadanittant, Ren ta l-ewwel intervista internazzjonali tiegħu ( lill-BBC) mindu spiċċat arrestata bintu u fejn ma tilifx iż-żmien biex iwarrab għall-pressjoni mill-Istati Uniti.
Hu sostna li l-Istati Uniti ma tistax tkissirlu l-kumpannija ‘għaliex id-dinja mhix se tabbanduna kumpannija li hi l-aktar avvanzata fis-settur tagħha’. Ren kompla li anki f’każ li l-Istati Uniti tipperswadi pajjiżi oħra biex ma jużawx lill-Huawei għal żmien temporanju, ‘il-kumpannija tista’ dejjem tnaqqas xi ftit mill-operat tagħha’.
Madankollu, Zhengfei ammetta li t-telf ta’ klijenti potenzjali jista’ iħalli impatt sinifikanti wara li l-Istati Uniti wissiet lill-alleati biex ma jużawx teknoloġija tal-Huawei.
Il-messaġġ ċar minn Washington kien li ‘ikun diffiċli għall-Istati Uniti li tkun sieħba fi proġetti mal-pajjiżi involuti mal-Huawei’. Dan meta l-Awstralja, New Zealand u l-Istati Uniti waqqfu lill-Huawei milli tipprovdi tagħmir għan-networks futuri għall-5G mobile broadband. Il-Kanada, intant, qed tevalwa jekk il-prodotti tal-Huawei jippreżentawx theddida serja għas-sigurtà.
//= $special ?>

