Formula 1 Sport

Ferrari l-aktar veloċi għat-tieni ġurnata konsekuttiva

Charles Leclerc qed jiddebutta ma' Ferrari

Charles Leclerc tefa’ lil Ferrari fuq quddiem nett għat-tieni ġurnata konsekuttiva waqt il-provi li qed isiru fi Spanja qabel il-bidu ta’ staġun ġdid tal-Formula Wieħed, b’ħin ta’ 1:18.247.

Leclerc, li għandu 21 sena, ser ikun qed jagħmel il-qabża minn ma’ Sauber għal ma’ Ferrari dan l-istaġun wara debutt tajjeb fil-Formula Wieħed fl-2018. Hu saħansitra kien 0.1 sekondi aktar veloċi minn Sebastian Vettel li kien l-aħjar sewwieq fl-ewwel ġurnata ta’ dawn it-testijiet.

Il-Brittaniku, Lando Norris ta’ McLaren kien it-tieni l-aktar veloċi segwit mid-Daniż Kevin Magnussen ta’ Haas.

Pierre Gasly, li għamel il-qabża ta’ minn ma’ Toro Rosso għal Red Bull ma tantx kien kuntent bil-prestazzjoni tiegħu fid-debutt b’vettura ġdida hekk kif tilef il-kontroll fit-12-il dawra u saħansitra ġarrab ħsara fin-naħa ta’ wara tal-karozza RB15.

Għalkemm dawn it-testijiet m’humiex indikazzjoni ċara ta’ dak li jista’ jiġri waqt l-istaġun, iċ-champion renjanti Lewis Hamilton ta’ Mercedes akkwista ħin ta’ 1:19.928 li fisser għalih l-għaxar post. Il-kollega Valtteri Bottas akkwista s-sitt l-aqwa ħin fit-tieni ġurnata.

Filwaqt li bla dubju Ferrari s’issa impressjonaw, mhux l-istess jista’ jingħad dwar Williams li għat-tieni ġurnata kosekuttiva naqsu milli jidru hekk kif għadhom qed jistennew il-vettura tagħhom tasal Barcelona mill-fabbrika f’Oxfordshire.

Għada, l-Erbgħa 20 ta’ Frar, tibda t-tielet ġurnata ta’ dawn it-testijiet.