Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli jelenka l-ħidma tal-ewwel sena tal-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista
“Din l-aħħar sena kienet tikkonsisti f’ħidma qawwija mifrux fl-istrutturi kollha tal-Partit Nazzjonalista biex il-partit sar wieħed organizzat, propożittiv, b’pedamenti sodi u gvern alternattiv bi proposti konkreti.”, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli qal dan meta kien qed jindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.
Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista qed isir aktar partit żagħżugħ, b’viżjoni politika u oppożizzjoni b’saħħitha li waqfet lill-Gvern mingħajr biża u proposti konkreti. Huwa elenka l-ħidma li seħħet fi ħdan il-partit matul l-2018. Fosthom:
– L-ogħla ammont ta’ tesserati fi 13-il sena b’żieda ta’ 1,700 tesserat ġdid;
– Immodernizzar tal-Kunsill Ġenerali b’riforma bis-sustanza u l-parteċipazzjoni;
– Tisħiħ tal-finanzi tal-Partit fuq bażi sostenibbli: b’maratoni rekord;
– Programm ġdid ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ: Future Leader;s
– Partit żagħżugħ: waqqafna l-fergħa ġdida Team Start PN.
Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista żamm lill-Gvern taħt skrutinju u kien il-vuċi tal-poplu kemm fil-Parlament kif ukoll barra u iddefenda l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan sar bil-kawżi fil-Qorti li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex iġib lura t-tliet sptarijiet li l-Gvern ta lil Vitals, biex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista mar ukoll il-Qorti biex il-Partit Laburista ma jisraqx il-maġġoranza li ntrebħet b’mod demokratiku f’San Pawl il-Baħar u tressaq protest ġudizzjarju kontra l-Kumissjoni Elettorali u Identity Malta, li kienet qed tikser il-liġi wara li kienet ilha x-xhur ma tressaq il-lista tal-barranin li potenzjalment kellhom il-vot.
Is-Segretarju Ġenerali qal li l-Oppożizzjoni waqqfet lill-Gvern li ried jagħti art pubblika f’San Ġiljan bix-xejn għall-iskpekulazzjoni u l-bini u l-Gvern kellu jirtira l-ftehim. Kxifna wkoll il-mod kif il-Gvern qed jisraq lin-nies b’kontijiet tad-dawl u l-ilma li huma aktar għoljin u aktar spissi. Dan apparti li tressqu mozzjonijiet biex issir diskussjoni b’urġenza dwar il-kumpanija misterjuża 17 Black f’Dubaj u r-relazzjoni li din għandha mal-kumpaniji fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, kif ukoll mozzjoni biex issir inkjesta indipendenti dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Clyde Puli elenka wkoll l-għadd kbir ta’ proposti li qed jitressqu mill-Oppożizzjoni fosthom it-80 proposta biex intejbu l-Kunsilli Lokali, proposti dwar l-ekonomija u l-finanzi għall- budget fil-pre-budget document, liġi mressqa mill-Oppożizzjoni dwar is-Samaritan it-Tajjeb, proposti għas-sostenibbilità tal-biedja u l-promozzjoni tal-prodott lokali, prosposti għall-qbiela, proposti dwar l-iskart tal-kostruzzjoni, proposti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l- kanċer, il-work life balance u l-viżjoni politika u proposti għal pjan fit-tul għal pajjiżna: Soċjetà li Jimpurtaha.
//= $special ?>