Sport Waterpolo

Il-kampjonat tax-xitwa se jibda tlett ijiem wara t-tmiem tal-Enemed Cup

(Ritratt: BOV)

Illum fl-uffiċini tal-ASA telgħu l-poloz tal-Kampjonat tax-xitwa. Dan il-kampjonat se jibda tlett ijiem wara t-tmiem tat-tieni edizzjoni tal-Enemed Cup u se jara l-parteċipazzjoni tal-11-il klabb preżenti li bħalissa qed jilagħbu fil-kampjonati tal-ASA. Il-kampjonat jintemm fil-11 ta’ Mejju.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal f’dan il-kampjonat se jkun hemm l-impenji tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni. Hu saħaq li minħabba l-età ta’ dawn iż-żgħażagħ il-kampjonat se jibqa’ għaddej. Imbagħad bejn it-30 ta’ April u t-3 ta’ Mejju se jkun hemm il-Laqgħa tal-Għawm fi żmien l-Għid.

L-aħjar logħba fl-ewwel ġurnata mill-Kampjonat Premier hi dik bejn ir-rebbieħa tal-aħħar tliet edizzjonijiet San Ġiljan TUM Invest u Sirens Greentube. Mill-Ewwel Diviżjoni l-aħjar konfront fl-ewwel ġurnata bejn Marsaskala Fish and Fish u Marsaxlokk Brown’s.

Caruana Curran semma li l-2019 hi sena importanti għall-ASA minħabba tliet fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-15-il sena u s-17-il sena kif ukoll tat-tim nazzjonali tal-kbar. Il-President tal-ASA kompla li fost il-klabbs jeżisti tħassib li l-kampjonat tas-sajf jista’ jitwal u jitneħħa dak tax-xitwa filwaqt li hemm ċans li s-sena d-dieħla jerġa’ jidħol fix-xena t-tim ta’ Barracudas.

Dwar ir-regoli l-ġodda, Caruana Curran qal li sat-tmiem tal-kampjonat tax-xitwa se jkun f’pajjiżna d-Delegat tal-LEN Dejan Perisic flimkien ma’ xi referees ta’ livell biex jispjegaw dawn ir-regoli. Mhux eskluż li uħud mir-regoli jkunu implimentati waqt il-kampjonat tax-xitwa biex kulħadd ikollu logħob prattiklu b’dawn ir-regoli. Hu flimkien mal-membri l-oħra tal-pajjiżi jemmnu li dawn ir-regoli se jagħmlu l-logħba aktar movimentata.

Kampjonat Premier

L-ewwel ġurnata

Il-Ġimgħa 22 ta’ Marzu: Exiles v Neptunes 7.30pm

Is-Sibt 23 ta’ Marzu: San Ġiljan v Sirens 4.15pm, Sliema v Valletta 5.30pm

Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

L-ewwel ġurnata

Il-Ġimgħa 22 ta’ Marzu: Ta’ Xbiex v Otters 6.15pm

Is-Sibt 23 ta’ Marzu: Marsaskala v Marsaxlokk  3.00pm