Internazzjonali

Il-Pakistan iwissi lill-Indja dwar ritaljazzjoni….

Il-Pakistan wissa li mhux se jżomm lura minn ritaljazzjoni f’każ li l-Indja tieħu azzjoni militari kontra tiegħu. Dan waqt li kibret it-tensjoni fil-jiem ta’ wara l-attakk minn militanti fuq qawwiet Indjani fl-inħawi ta’ Kashmir amministrati mill-Indja.

Il-Prim Ministru Pakistani, Imran Khan, għamel diskors fuq it-televiżjoni fejn talab biex l-Indja tressaq provi li jissostanzjaw l-akkużi li ‘il-Pakistan kien involut fl-attakk’.

Dan wara li mietu ‘il fuq minn 40 membru tal-qawwiet tas-sigurtà tal-Indja waqt l-attakk suwiċida tal-Ħamis fuq il-konvoj tagħhom. Il-grupp tal-militanti Jaish-e-Mohammad, li għandu l-bażi tiegħu fil-Pakistan, assuma responsabbiltà għall-azzjoni.

L-Indja u l-Pakistan (it-tnejn potenzi nukleari) fil-passat iġġieldu numru ta’ gwerer, b’Imran Khan qed jgħid li l-Indja mgħandhiex takkuża pajjiżu dwar l-aħħar attakk mingħajr provi ċari. Hu ħeġġeġ biex l-awtoritajiet Indjani jaqsmu kull informazzjoni kredibbli li jista’ ikollhom dwar l-allegat sehem mill-Pakistan fil-qtil tal-membri tas-sigurtà, f’Kashmir filwaqt li tenna li d-djalogu biss isolvi l-kwistjonijiet fir-reġjun.

L-Indja ilha takkuża lill-Pakistan b’li qed jappoġġja lis-separatisti militanti fiz-zoni ‘tagħha’ ta’ Kashmir. Khan, issa, qed jgħid li filwaqt li l-Pakistan jinsab lest biex jikkoopera mal-Indja fl-investigazzjoni dwar l-aħħar attakk, ‘pajjiżu mgħandux jaħsibha darbtejn biex jirritalja għal xi attakk ( mill-Indja) fuq it-territorju tiegħu’.