L-aħbar li l-Parlament Ingliż ippubblika rapport li minnu jirriżulta li l-Partit Laburista u Joseph Muscat ltaqgħu ma’ rappreżentanti l-kumpanija Henley & Partners qabel l-elezzjoni tal-2013 mill-ġdid tikkonferma kif il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija kien ġie deċiż u miftiehem mill-Partit Laburista u minn Joseph Muscat bil-moħbi qabel telgħu fil-Gvern.
Tgħid hekk stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ffrimata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi, Karol Aquilina.
Fir-rapport tal-Parlament Ingliż jingħad b’mod ċar u inekwivoku li SCL Group żgur kellha laqgħat f’Malta u li Christian Kalin mill-kumpanija Henley & Partners kien ltaqa’ ma’ Joseph Muscat fis-sena 2011 u mal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013 bis-saħħa ta’ SCL Group.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li SCL Group hija l-kumpanija li waqqfet Cambridge Analytica u li kienet u għadha nvoluta fi skandlu internazzjonali dwar manupulazzjoni tal-votanti f’numru ta’ elezzjonijiet madwar id-dinja.
Il-Parlament Ingliż qal li din l-informazzjoni ġiet verifikata mill-Kumitat tal-Parlament Ingliż li ħejja r-rapport tiegħu permezz ta’ evidenza li ntweriet lilu b’mod kunfidenzjali. L-ebda ċaħda mill-Partit Laburista, minn Joseph Muscat jew mill-Gvern Laurista ma tista’ tħassar dak li sab u ra l-provi dwaru l-Parlament Ingliż.
L-istqarrija tkompli li għalhekk il-Partit Laburista u Joseph Muscat inqabdu li ftehmu qabel l-elezzjoni tal-2013 dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza minn Kumitat tal-Parlament Ingliż li għamel investigazzjoni sħiħa u ppubblika rapport dwar id-diżinformazzjoni u l-fake news.
L-aġir tal-Partit Laburista u ta’ Joseph Muscat juri li kien hemm influwenza mhux xierqa qabel l-elezzjoni tal-2013 u li dik l-influwenza wasslet biex wara l-elezzjoni l-Gvern Laburista jibda jbiegħ iċ-ċittadinanza Maltija. Saħansitra wara l-elezzjoni tal-2013 u sallum Joseph Muscat qiegħed jiftaħar li jagħmilha ta’ salesman għall-kumpanija Henley & Partners billi jżur diversi pajjiżi u jikkonvinċi lilll-barranin jixtru ċ-ċittadinanza Maltija. Dan kollu jmur kontra l-prinċipju ta’ governanza tajba u juri kif għall-Partit Laburista u għal Joseph Muscat kollox u kulħadd huwa għal bejgħ.
Il-Partit Nazzjonalista mill-ġdid jisħaq li l-bejgħ taċ-ċittadinanza qiegħed ikollu konsegwenza negattivi fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u qed iwassal biex pajjiżna ma jibqax jiġi kkunsidrat bħala ġurisdizzjoni serja u ta’ reputazzjoni għolja. Fost oħrajn il-bejgħ taċ-ċittadinanza poġġa lil pajjiżna f’riskji serji ta’ nuqqas ta’ sigurtà, ta’ ħasil ta’ flus, ta’ korruzzjoni u ta’ evażjoni tat-taxxa.
L-istqarrija ttemm jgħid li dan kollu jpoġġi f’riskju serji eluf ta’ postijiet tax-xogħol fis-settur tas-servizzi finanzjarji u setturi oħra li jiddependi fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
//= $special ?>