Lokali

“Is-settur Malti tas-servizzi finanzjarji sofra ħsara fir-reputazzjoni” – l-HSBC jirreġistra tnaqqis ta’ 23% fil-profitti

Ir-rapport finanzjarju ta’ HSBC Bank Malta għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru tal-2018 juri li l-qligħ irrappurtat qabel it-taxxa kien ta’ €38.6 mijun, li jfisser tnaqqis ta’ €11.3m, jew 23%, meta mqabbel mas-sena preċedenti.

Jirriżulta wkoll li l-qligħ aġġustat qabel it-taxxa, li jeskludi l-effett ta’ items notevoli, kien ta’ €36.5m, tnaqqis ta’ €19.1m jew 34%.

Fi stqarrija, Andrew Beane, Kap Eżekuttiv tal-HSBC Bank Malta nnota li “l-2018 kienet waħda diffiċli għas-settur tas-servizzi finanzjarji lokali li sofra aktar ħsara fir-reputazzjoni. Hu essenzjali li l-parteċipanti kollha fis-suq jiżguraw li l-istandards ta’ kontra l-ħasil tal-flus jkunu imwettqa kollha mingħajr dewmien ħalli b’hekk ikunu evitati riskji aktar sinjifikanti għal tul ta’ żmien.”

Fid-dawl ta’ dan, il-bank jinnota li t-tnaqqis tal-profitti fl-2018 huma attribwiti għall-fatt li l-Bank lesta l-aħħar fażi tal-istrateġija tiegħu biex jitneħħa r-riskju u jimmaniġġja l-impatt kontinwu ta’ rati negattivi ta’ imgħax.

Sadattant, matul din is-sena l-bank saħħaħ il-bażi kapitali tiegħu b’żieda fil-proporzjon tal-ewwel livell ta’ ekwità komuni għal 14.6% minn 13.9% kif kienet fil-31 ta’ Diċembru 2017. Il-proporzjon tal-kapital totali kien 17.0% meta mqabbel mal-14.4% fil-31 ta’ Diċembru 2017.

Tejjeb ukoll l-effiċjenza tal-ispejjeż, biex issa l-proporzjon aġġustat tal-effiċjenza tal-ispejjeż hu ta’ 73% meta mqabbel ma’ 66% fl-2017.

Bil-bank li lesta t-trasformazzjoni biex jinkisbu l-ogħla standards globali ta’ konformità kontra l-kriminalità finanzjarja, issa l-Bank beda t-transizzjoni għal fażi ġdida ffukata fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-valur. Il-Bank qed jimmira li jkabbar id-dħul aktar malajr miż-żieda fl-ispejjeż, u jżid ir-redditu fuq l-ekwità maż-żmien.