Sport Waterpolo

It-tielet sessjoni deċiżiva għat-tim Ġermaniż

MALTA………………….. 9   ĠERMANJA………….. 18

(3-5), (3-4), (1-5), (2-4)

It-tim nazzjonali Malti sofra l-ħames telfa fil-fażi preliminari tal-FINA World League b’telfa ta’ 18-9 kontra l-Ġermanja. Din it-telfa hi b’distakk anqas minn dik tal-ewwel rawnd meta t-tim Malti kien tilef 23-9 fil-Ġermanja. Lura fl-iskwadra kien hemm ix-xellugi Matthew Zammit filwaqt li Dino Zammit irritorna mat-tim nazzjonali wara li kien weġġa’ fil-Kampjonat Ewropew f’Lulju li għadda. Nieqes mit-tim kien il-captain Stevie Camilleri.

It-tim Ġermaniż rebaħ l-erba’ sessjonijiet, bl-aktar sinifikanti tkun it-tielet sessjoni li fiha l-Ġermanja assigurat mir-rebħa. It-tim Malti temm it-tieni sessjoni 9-6 minn taħt wara li għal ħin twil id-distakk kien ta’ żewġ gowls.

Matthew Zammit naqqas id-distakk għal 9-7 fil-bidu tat-tielet sessjoni, iżda minn hemm il-Ġermanja ddominat b’ħames gowls mingħajr risposta filwaqt li t-tim Malti kkonċeda tliet okkażjonijiet ta’ man-ups. Żewġ man-ups li ġew skorjati fil-bidu tal-aħħar sessjoni komplew ikabbru d-distakk. It-tim Malti rnexxielu tal-anqas iwieġeb għall-aħħar żewġ gowls tal-Ġermanja b’gowls minn Jordan Camileri minn man-up u Aurelien Cousin.

Malta: N. Grixti, N. Bugelli, A. Galea, G. Pace, J. Muscat (1), M. Zammit (3), B. Plumpton, J. Camilleri (4), A. Cousin (1), I. Riolo, D. Zammit, J. Tanti

Ġermanja: K. Gotz, B. Reibel (3), N. Schipper (1), L. Kuppers (2), T. Preuss (1), M. Jungling (1), D. Strelezkij (2), F. Schutze (4), F. Korbel (2), M. Restovic (2), J. Rotermund, F. Thom

Referees: Gabor Vogel, Ernest Inesta Peralta