Lokali

“L-importanza tagħna hija Malta, ejja naħdmu flimkien għal pajjiżna” – Robert Arrigo

"Ivvutaw lill-PN u xerdu l-kelma, min ma jistax ixerred il-kelma vvutaw fis-silenzju lill-Partit Nazzjonalista għax il-PN qed iwettaq tassew politika għan-nies"

Il-Partit Nazzjonalista baqa’ Partit ħaj, Partit li qed jisma’ u jaħdem biex iwettaq politika flimkien għal pajjiżna. Dan kien wieħed mill-messaġġi li ta il-Viċi Kap għall-ħidma tal-Partit Robert Arrigo tul l-ewwel sezzjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali.

Hu stieden lill-attivisti kollha biex jaħdmu flimkien mat-tmexxija għaż-żewġ kampanji elettorali li jmiss, li huma l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej. Huwa qal li l-partit se jkun qed imur f’kull dar ġo kull lokalità u raħal sabiex nikkonvinċu li l-Partit Nazzjonalista huwa l-aħjar għazla għall-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista, akkost dak li rrappurtat il-midja, laqa’ il-membri parlamentari tiegħu 18-il darba fi 15-il xahar. Dan huwa frott il-ħidma tal-Kap tal-PN Adrian Delia.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun l-underdog fl-elezzjonijiet li ġejjin imma għandna l-obbligu li nxammru l-kmiem u naħdmu biex inżommu t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.

“Ejja nwasslu messaġġ lill-Gvern, li qabeż il-linja l-ħamra”

F’diskors mqanqal u kandidu, Robert Arrigo ammetta li l-politika tal-PN qed tkun politika tassew għan-nies. Politika li qed tħares l-interess ta’ kull settur, l-edukazzjoni, is-saħħa, is-sigurtà, l-ambjent fost l-oħrajn.

Il-kelma flimkien hija importanti, Maltin u Għawdxin li jridu l-pajjiż aħjar, appella biex minn frott l-għaqda naħdmu għal Malta u Għawdex. Fost oħrajn appella biex il-poplu jivvota għal kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Robert Arrigo wettaq appell biex dawk li batew taħt il-Gvern Laburista, u li għadhom qed ibatu biex jiġu mal-Partit Nazzjonalista f’isem Malta.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Robert Arrigo qal li l-fondi kollha li jaslu għand il-Partit Nazzjonalista jaslu mingħand il-partitarji, l-volontiera u t-tesserati matul il-maratoni u jintużaw għall-bżonnijiet tal-partit, li l-assi tiegħu xtrahom u mhux ħatafhom mingħand in-nies kif għamel il-Partit Laburista bl-Australia Hall jew bir-Raffles fejn se jkun qed jiggwadanja €600,000 fis-sena.

“Għall-Partit Nazzjonalista n-nies jiġu l-ewwel. Il-Partit Nazzjonalista huwa tan-nies u se jibqa’ jkun tan-nies u se jibqa’ jaħdem flimkien għal pajjiżna”, sostna Robert Arrigo