Futbol Sport

Liverpool u Bayern Munich fl-ewwel dwell fil-kompetizzjoni mill-1981

(Ritratt: EPA)

Liverpool se jfittxu riżultat pożittiv f’Anfield anki jekk il-manager Jurgen Klopp jista’ jibda bil-midfielder difensiv Fabinho fid-difiża. Dan hekk kif il-Ġermaniż żvela li d-difensur Dejan Lovren hu dubjuż u se jkun deċiż fl-aħħar minuti jekk jilagħbx.

Virgil van Dijk jinsab sospiż filwaqt li Joel Matip hu postu ċert fil-qalba tad-difiża. Joe Gomez u Alex Oxlade-Chamberlain jibqgħu mweġġa’ filwaqt li Xherdan Shaqiri hu dubjuż.

Il-kowċ ta’ Bayern Munich Niko Kovac se jkun mingħajr id-difensur Jerome Boateng u Thomas Muller li se jkun sospiż. Kingsley Coman jinsab tajjeb filwaqt li Arjen Robben mhux fl-iskwadra.

Dan se jkun l-ewwel konfront bejn it-tnejn f’din il-kompetizzjoni mill-1981, bit-tim Ġermaniż rebaħ biss konfront minn sebgħa kontra Liverpool. Is-saħħa ta’ Liverpool f’darhom hi riflessa wkoll fl-Ewropa hekk kif ilhom 19-il logħba mingħajr telfa, bl-aħħar telfa tmur lura għal Ottubru tal-2014 kontra Real Madrid. Iżda Bayern Munich ilhom tmien logħbiet mingħajr telfa barra minn darhom.

Fil-logħba l-oħra, Olympique Lyon għandhom missjoni pjuttost diffiċli hekk kif jilqgħu f’darhom lil Barcelona li għadhom mhux megħluba kontra tim Franċiż. Lyon jinsabu f’din il-fażi għall-ewwel darba mill-2011/12, bil-kontra ta’ Barcelona li għaddew minn din il-fażi fi 12-il okkażjoni minn 14-il darba.

It-tim ta’ Bruno Genesio mhux favorit f’dawn il-logħbiet iżda ġejjin minn perjodu pożittiv hekk kif sofrew biss telfa mill-aħħar 10 logħbiet fl-Ewropa. Aktar minn hekk, huma rebħu sitta mill-aħħar seba’ logħbiet li lagħbu.

Barcelona jinsabu fi triqthom lejn doppjetta oħra domestika, iżda l-għan prinċipali hu li jirritornaw għar-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni li ilhom ma jirbħuha mill-2015. Ernesto Valverde jittama f’riżultat pożittiv hekk kif Barcelona biss seba’ logħbiet mill-aħħar 19-il logħba fiċ-Champions League barra minn darhom.

UEFA Champions League – L-aħħar 16 – I Leg

Liverpool v B. Munich 9.00pm, O. Lyon v Barcelona      9.00pm