Lokali

AĠĠORNATA: Ma riedx jinfired minn martu li mietet f’Novembru

Il-mara jisimha Janet Harvey

Fis-sigħat li għaddew il-Pulizija bdiet titkellem ma’ ġirien tal-koppja Ingliża li kienet toqgħod fi Triq San Luqa f’San Pawl il-Baħar biex tipprova tistabbilixxi preċiżament x’seta’ ġara biex ħadd ma ntebaħ bil-mewta ta’ din l-anzjana li seħħet diversi xhur ilu.

Fl-aħħar ħin sar magħruf li l-anzjana kien jisimha Janet Harvey. Ġirien li kienu jistaqsu dwarha qalu li żewġha kien jgħidlhom li hi kienet tinsab tajba, meta l-mara kienet ġa mejta.

Din l-anzjana, ta’ 69 sena, mietet f’Novembru fis-sodda fl-appartament tagħha u baqgħet tinżamm hemmhekk minn żewġha li naqas milli jinforma lill-awtoritajiet tas-saħħa u lill-Pulizija bil-mewta ta’ martu.

Jidher li l-intenzjoni tar-raġel anzjan kienet li hu ma jinfiridx minn ma’ martu għar-raġuni li għalih din kienet tfisser kollox u ma kellu lill-ebda persuna oħra f’ħajtu. Skont sorsi, l-pulizija marru jagħmlu tfittxijiet fir-residenza tal-koppja wara li l-Kummissarju Għoli Ingliż f’pajjiżna irċievi rapport dwar mara li kien ilu ma jkun hemm aħbarha minn xi qraba fl-Ingilterra.

Mal-wasla tagħhom, fil-kamra tas-sodda ta’ din ir-residenza, il-Pulizija sabu xena tal-biza’. Huma sabu l-katavru tal-mara imgeżwer f’lożor u kutri, u fi stat qawwi ta’ dekompozizzjoni.

L-anzjana kellha 69 sena u x’aktarx li mietet f’Novembru. Żewġha, li akkost ta’ kollox ma riedx jinfired minn magħha, kien żammha f’dan l-istat fil-kamra tas-sodda fejn kienet torqod, għal dawn l-aħħar xhur.

Ir-raġel, li kien viżibilment kommoss u aġitat, fil-bidu tal-interrogazzjoni caħad li kellu xi rabta mal-każ. Iżda ftit wara ammetta li il-katavru kien ta’ martu u li kienet ilha mejta tlett xhur.

Hu ttieħed l-isptar Monte Carmeli minħabba l-istat li kien fih.

Il-koppja Ingliża kienu ġew jgħixu Malta fis-sena 2000. Huma kienu rrilokaw hawn għax kien jogħġobhom pajjiżna u minħabba l-klima sħuna, u jidher li ma kellhomx qraba oħra jgħixu hawn.

Dwar dan il-każ għaddejja inkjesta maġisterjali.