Futbol Sport

Riżultat li jista’ jitqies pożittiv għaż-żewġ timijiet

(Ritratt: EPA)

LIVERPOOL……………………. 0

A. Becker, T. Alexander-Arnold, J. Matip, Fabinho, A. Robertson, G. Wijnaldum, J. Henderson, N. Keita (J. Milner 76’), M. Salah, S. Mane, R. Firmino (D. Origi 76’)

BAYERN MUNICH………….. 0

M. Neuer, J. Kimmich, N. Süle, M. Hummels, D. Alaba, T. Alcantara, J. Martinez, S. Gnabry (Rafinha 90’), J. Rodriguez (R. Sanches 88’), K. Coman (F. Ribery 81’), R. Lewandowski

Imwissija: J. Kimmich 27’ (B), J. Henderson 55’ (L)

Referee: Gianluca Rocchi (Italja)

Draw ta’ 0-0 f’Anfield bejn Liverpool u Bayern Munich f’dik li kienet l-ewwel logħba li Liverpool ma rebħux f’darhom fiċ-Champions League f’dan l-istaġun. Għalkemm jista’ jitqies bħala riżultat utli għat-tnejn, Bayern Munich jistgħu joħorġu ftit aktar kunenti mil-logħba minħabba li ma tilfux barra minn darhom. Iżda fl-istess ħin il-Ġermaniżi ma rnexxielhomx jiskorjaw u jekk jispiċċaw fi draw bil-gowls ikunu eliminati.

Bayern Munich setgħu fetħu l-iskor fis-16-il minuta meta ħadu l-pussess qrib il-kaxxa wara żball ta’ Alisson, iżda x-xutt finali ta’ Kinglsey Coman għadda barra. Liverpool kienu perikolużi tmien minuti wara b’daqqa ta’ ras ta’ Mohamed Salah li għaddiet ftit barra wara kross mix-xellug.

Ċans tajjeb għal Sadio Mane fit-33 minuta meta xutt ta’ Naby Keita kien blokkat u spiċċa għandu iżda minn pożizzjoni ċentrali fil-kaxxa xxuttja barra. Risposta ta’ Bayern erba’ minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ Serge Gnabry li kien imdawwar f’korner minn Alisson.

Liverpool setgħu jagħlqu t-taqsima minn fuq b’okkażjoni fl-40 minuta bi kross mix-xellug għan-nofs lejn Joel Matip li l-konklużjoni tiegħu minn qagħda ideali għaddiet barra. It-tieni taqsima kienet nieqsa mill-azzjonijiet, bl-aħjar okkażjoni indirizzata fil-lasta tasal fid-59 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Gnabry li għadda ċentimetri fuq il-lasta.