Is-Senatur Amerikan, Bernie Sanders, se jikkuntesta mill-ġdid għall-Presidenza tal-Istati Uniti fl-2020, u meta se jipprova, għat-tieni darba, li jirbaħ in-nomina tal-Partit Demokratiku fl-Oppożizzjoni. Sanders, li jirrappreżenta l-Istat ta’ Vermont u li għandu 77 sena, sar magħruf bħala ‘stilla tal-politika progressiva’ meta, fl-2016, tilef it-tentattiv għall-kandidatura Demokratika li ħaditha Hillary Clinton.
Issa Sanders – li hu kritiku qalil tal-President Amerikan Donald Trump – qal li ‘irid ikompli r-rivoluzzjoni politika li bdiet matul il-kampanja tal-2016’. Intant, Bernie Sanders jibqa’ wieħed mill-aktar ismijiet magħrufa fost il-kandidati Demokratiċi li jridu jikkuntestaw għall-White House, bl-ewwel stħarriġ diġà jagħtih vantaġġ fuq ir-rivali.
Sanders sejjaħ diversi drabi biex ikun hemm il-kura tas-saħħa provduta mill-Gvern tal-Istati Uniti u biex tingħata l-edukazzjoni b’xejn lill-istudenti li jattendu l-kulleġġi — b’dawn is-sejħiet jappellaw ħafna lill-votanti żgħażagħ.
Hu kien elett fil-Kungress għall-ewwel darba fl-1990 u ilu mill-2007 Senatur għal Vermont. Sanders kien spiċċa t-tieni (wara Clinton) fil-primarji tal-Partit Demokratiku għall-2016 biex jintgħażel il-kandidat għall-Presidenza u, f’każ li jirbaħ in-nominazzjoni għall-2020, isir l-aktar kandidat anzjan għall-Presidenza fl-istorja tal-pajjiż.
//= $special ?>

