Internazzjonali

Stati Uniti: Sittax il-Stat f’rikors kontra Trump dwar il-ħajt mal-Messiku

Koalizzjoni ta’ 16-il Stat — bl-Istat ta’ Kalifornja fuq quddiem — ressqet rikors legali fil-konfront tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti mmexxija mill-President Donald Trump; bir-rikors jirrigwarda l-aħħar deċiżjoni ta’ Trump biex jiġġenera l-fondi għall-bini ta’ ħajt mal-Messiku.

Trump, jiem ilu, ħareġ bid-dikjarazzjoni ta’ emerġenza bil-għan li hu ‘jiżgiċċa’ lill-Kungress ta’ Washington wara li dan irrifjuta li japprova l-ammont ta’ $5.7 biljuni għall-ħajt tal-fruntiera. Id-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni huma kontra li jiffinanzjaw il-ħajt waqt li jinsabu determinati biex jikkuntestaw dan il-pjan li kien tressaq fil-kampanja elettorali ta’ Trump qabel laħaq President.

Donald Trump, jiem ilu, iffirma abbozz għall-infiq tal-Gvern biex jevita shutdown ieħor għall-amministrazzjoni. Dan wara l-istat ta’ paraliżi għall-aġenzi federali li karatterizza l-aħħar shutdown, fil-bidu tas-sena.

Trump qal li ma kellux għalfejn jjiddikjara l-emerġenza ta’ jiem ilu iżda għażel li jagħmel dan bit-tama li jikseb aktar malajr il-fondi għall-ħajt mal-fruntiera. Intant, l-analisti qed jgħidu li l-kummenti partikulari ta’ Trump kapaċi jtellfu l-argumenti legali li hu jista’ iressaq f’dawn iċ-ċirkustanzi.