Fetaħ uffiċjalment il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.
Illejla t-tema tal-għaqda kienet fiċ-ċentru tad-diskorsi tal-kelliema li indirizzaw il-Kunsill Ġenerali.
Chris Deguara saħaq li l-għan ewlieni tal-kunsilliera għandu jkun dak ta’ servizz għaċ-ċittadini. Huwa sostna li filwaqt li l-kunsilli għandhom ikunu ħajjin u attivi l-ħin kollu, wieħed irid joqgħod attent ma jaqbizx il-linja fina bejn ir-responsabbiltà li taqa’ taħt il-kunsill u dik li taqa’ taħt il-Gvern Ċentrali.
Christian Micallef tenna l-impenn tiegħu li jkompli jservi bħala Sindku tal-Belt Valletta. Huwa saħaq li l-kandidati Nazzjonalisti jiffurmaw tim li tassew il-Belt Kapitali Maltija jixirqilha hekk kif huwa l-uniku partit fil-Belt li għandu kandidati nisa, b’xejn inqas minn żewġ kandidati.
Alessia Psaila Zammit semmiet ix-xogħolijiet u l-investimenti li twettqu fis-Siġġiewi filwaqt li ħabbret aktar investimenti li ser isiru f’din il-lokalità. Hija semmiet ukoll li fil-legiżlatura li jmiss ser jiżdiedu żewġ sulari oħra fin-Night Shelter għall-anzjani fejn fosthom ser tingħata kura matul il-ġurnata lil dawk l-anzjani li jsofru mill-kundizzjoni tad-dimensja.
Justin Schembri saħaq li pajjiżna għaddej minn żmien fejn l-edukazjzoni f’Malta mhux qiegħda tifjorixxi minħabba nuqqas ta’ viżjoni mill-Gvern, l-għaliex qed jinvesti f’dak li huwa temporanju u mhux permanenti. Huwa appella sabiex nippreżentaw lill-uliedna futur li jixirqilhom.
Janice Chetcuti saħqet li pajjiżna għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista aktar minn qatt qabel. Hija sostniet li isem pajjiżna tilef ħafna mir-rispett tiegħu minħabba diversi skandli, u għalhekk Malta għandha bżonn il-Partit Nazzjonalista sabiex dak li tilef pajjiżna jerġa’ jiksbu.
Gabriel Micallef sostna li l-politika tal-PN ma jħarisx lejn il-kbir biss iżda tinkludi kull faxxa tas-soċjetà. Huwa saħaq li f’Malta hawn nies li qed isofru fis-skiet u silenzju, kif ukoll żgħażagħ li qed jibżgħu isemmgħu leħinhom minħabba li jibżgħu li jiġu ttimbrati.
Francine Farrugia saħqet li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista hija waħda sostenibbli fejn jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ sabiex jaħdmu, jitgħallmu u jiġu xprunati sabiex ikollna Malta aħjar. Hija appellat liż-żgħażagħ sabiex jinvolvu rwieħhom aktar bil-għan li jkunu jistgħu jgħinu lil ħaddieħor.
Desiree Vella Brincat sostniet li l-Gvern Laburista donnu jrid jagħti lil ftit għad-detriment tal-poplu. Hija qalet li l-Gvern irid idgħajjef il-kunsilli lokali filwaqt li ħafna qed jiftaqru waqt li ‘l ftit iħaxxnu bwiethom. Dan kollu, kompliet Vella Brincat, waqt li jhedded il-pensjoni tagħna.
Karl Muscat sostna li kienet sena impenjattiva fil-qrati Maltin fejn il-PN iġġieled kontra l-korruzzjoni, filwaqt li ħadem favur l-edukaturi, iż-żgħażagħ, l-bdiewa, l-anzjani u kull faxxa oħra fis-soċjetà Maltija. Huwa sostna li l-Partit Nazzjonalista qed jissaħħaħ, b’aktar effiċjenza u organizzazzjoni.
Hermann Schiavone saħaq li l-bibien tal-Partit Nazzjonalista jinsabu miftuħin beraħ. Huwa appella li dawk kollha li mhux qed iwasslu sal-aħħar tax-xahar, dawk l-għalliema li jibżgħu dwar is-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol u kull min leħnu qed jiġi mwarrab għandu jagħti risposta fil-25 ta’ Mejju.
Ryan Callus sostna li hawn żgħażagħ jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija u xorta ma jistgħux jixtru saqaf fuq rashom. Madanakollu l-Prim Minsitru Joseph Muscat jinteressah biss mill-barrani sinjur hekk kif tilef il-qalb soċjali. Huwa insista li l-Gvern Laburista jagħti skola lil Sadeen u kontejner għall-Maltin.
Ivan Bartolo spjega li l-qasam soċjali minn dejjem kien ta’ importanza għal Partit Nazzjonalista. Huwa saħaq li Gvernijiet Nazzjonalisti minn dejjem kienu pijunieri f’kull qasam fejn dejjem poġġa liċ-ċittadini l-ewwel u qabel kollox u wettaq dak kollu li jemmen fih.
Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista huwa dak il-partit li verament jemmen fil-Kunsilli Lokali u dan ntwera fi tmenin proposta ppreżentati lill-Gvern. Huwa saħaq li l-kunsilli lokali għandhom jingħataw aktar responsabbilitajiet sabiex il-Gvern ma jibqax jgħaddi gaffa minn fuq kulħadd bħal ma qalu kunsielliera u sindki dwar is-sitwazzjoni preżenti ta’ pajjiżna.
Edwin Vassallo saħaq li ser jibqa’ jaħdem sabiex il-Partit Nazzjonalista jkompi jħaddan il-valuri DemoKristjani u għalhekk flimkien irridu nservu ta’ tama sabiex pajjiżna jerġa’ jikseb ir-ruħ soċjali tiegħu. Huwa sostna li d-dinjità, l-ħajja umana u l-ħolm tas-soċjetà Maltija m’humiex għall-bejgħ. Dan filwaqt li saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa l-garanzija għall-ġejjieni.
Karl Gouder pajjiżna wasal f’salib it-toroq b’numru ta’ nies li mhux ilaħqu ma-ħajja dejjem jiżdied u bl-ambjent li qed jinqered ftit ftit. Huwa insista li l-poplu jrid jaħseb u jiffoka fuq dak li hu bażiku, ix-xogħol, l-edukazzjoni u l-ambjent.
Mark Anthony Sammut saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa wieħed propożittiv u pożittiv hekk kif ħareġ b’diversi proposti fosthom dwar il-Kunsilli, Saħħa, Biedja u Żgħażagħ – hekk kif fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li ħareġ bil-proposta tas-Sammaritan it-Tajjeb. Filwaqt li faħħar ix-xogħol tal-MEPs Nazzjonalisti li preżentament jinsabu fil-Parlament Ewropew hekk kif ħarġu b’diversi proposti għal Malta – traditur huwa ħaddieħor li qed jipponta sebgħu lejn ħaddieħor filwaqt li jħaxxen butu.
Matul il-Kunsill Ġenerali se tkun qed tiġi diskussa l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista matul is-sena li għaddiet filwaqt li jingħata ħarsa ‘l quddiem lejn il-ħidma li se twassal lill-Partit għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali tal-25 ta’ Mejju li ġej.
Il-Kunsill Ġenerali jibqa’ għaddej tul il-ġimgħa kollha u jaqgħlaq il-Ħadd bid-diskors tal-għeluq tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
//= $special ?>