Dalgħodu, fil-Parlament Ewropew għadda vot b’saħħtu ħafna fuq ir-riżoluzzjoni li tiffoka fuq il-Gvern Malti u l-Gvern Slovakk, b’mod partikolari tinsisti li l-Gvern Malti jieħu l-passi fuq diversi temi b’rabta mas-saltna tad-dritt, il-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti. Prattikament, il-gruppi politiċi kollha, vvutaw favur din ir-riżoluzzjoni li tfasslet wara żjarat mill-MEPs kemm f’Malta kif ukoll fl-Islovakkja, wara l-qtil tal-ġurnalisti Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak. Fil-fatt, filwaqt li 40 MEP ivvutaw favur ir-riżoluzzjoni, kienu biss 7 li vvutaw kontra.
Ftit wara l-vot, f’kumment ma’ netnews.com.mt, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, li hi membru tal-Grupp ta’ Ħidma li kellu żjarat f’Malta u fis-Slovakkja, qalet: “Dan hu vot li jikkonferma kemm il-Parlament Ewropew hu t-tarka tal-poplu Malti u Għawdxi. Bħalissa, l-Maltin u l-Għawdxin ma jistgħux iserrħu rashom li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna qed jaħdmu kif suppost, u għalhekk li l-Parlament Ewropew qed jinsisti li jsiru l-bidliet neċessarji biex kull Malti u Għawdxi jkun jista’ jserraħ rasu li f’pajjiżna qed issir il-ġustizzja.”
Fost l-oħrajn, ir-riżoluzzjoni tinsisti li l-Gvern Malti għandu:
– jiftaħ inkjesta indipendenti u pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u b’mod partikolari dwar iċ-ċirkustanzi li wasslu għal dan il-qtil, ir-rispons tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll x’sar jew ma sarx biex jiġi assigurat li ma jerġax isir qtil ta’ dan it-tip.
– jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija sigrieta Egrant.
– jiftaħ investigazzjoni dwar dak żvelat mill-Panama Papers u bejn ir-rabta bejn il-kumpanija fid-Dubai 17 Black u l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
– li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni biex terġa’ tinbena fiduċja fl-istituzzjonijiet.
– jikkundanna bla ebda riżerva kull tip ta’ diskors ta’ mibegħda fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll jieħu passi kontra uffiċjali pubbliċi li qed jinstigaw din il-mibegħda.
– jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja.
– jieqaf ibiegħ il-passaporti u ċ-ċittadinanza Maltin, kif ukoll jibda investigazzjoni indipendenti u internazzjonali dwar l-impatt ta’ dan il-bejgħ fuq il-kapaċijiet tal-infurzar kontra l-ħasil tal-flus, kontra l-kriminalità u fuq l-integrità taż-żona Schengen.
– jippubblika lista separata ta’ dawk li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija u biex dawn l-individwi ma jitpoġġewx f’lista ma’ dawk li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija b’metodi oħra.
– jippubblika r-rapport mal-kumpanija Henley & Partners.
– jinvestiga l-allegazzjonijiet tal-bejgħ enormi ta’ viżas tax-Schengen u dawk mediċi, inkluż l-allegat involviment ta’ uffiċjali tal-Gvern.
Dawn il-punti kollha ilhom ix-xhur li ssemmew fil-Parlament mill-Kap tal-PN Adrian Delia.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien talab uffiċjalment lill-Parlament biex dawn isiru – u issa, il-Parlament Ewropew ikkonferma l-istess talbiet li ilu jagħmel il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>