Lokali Parlament

Aktar minn miljun ewro f’xogħol fil-Berġa ta’ Kastilja

Il-Prim Ministru qal li l-investiment li sar fil-Berġa ta’ Kastilja fl-aħħar sitt snin kien ilaħħaq il-miljun 315,023. Dan l-investiment kien jikkonsisti primarjament f’xogħol qawwi ta’ refurbishment li kien hemm bżonn li jsir fit-taqsimiet kollha li joperaw mill-Berġa ta’ Kastilja. Kważi l-istess ammont ta’ miljun, 261,117 kienu nvestiti mill-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista. L-għan ta’ dan l-investiment li sar matul is-snin dejjem kien li jagħti dinjita’ lill-Berġa ta’ Kastilja bħala Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Fuq mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, ingħad li x-xogħol li sar mill-2013 ‘l quddiem kien jikkonsisti fost oħrajn f’tibjid u xogħol ieħor relatat tal-uffiċini u tas-swali, interventi fuq sis-sistemi tad-dawl elettriku bil-għan li jiġu konformi ma’ standards moderni, tibdil ta’ għamara, xogħol fuq bibien tal-uffiċini, xogħol ta’ skirting, xogħol fuq parquet floorings, xogħol ta’ gypsum, polishing tal-art, xogħol fuq it-twieqi tal-uffiċini tas-swali, tibdil ta’ purtieri, xogħol fuq sistemi ta’ CCTV u xogħol fuq restrooms u kitchenettes.

Fir-risposta tiegħu l-Prim Ministru qal li huwa qed ifakkar li matul l-aħħar sitt snin, il-Berġa ta’ Kastilja ospitat sensiela ta’ avvenimenti relatati maċ-CHOGM u mal-Valletta Summit fl-2015 u anke mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017, apparti madwar 50 żjara minn Kapijiet ta’ Stati, Prim Ministri u personalitajiet oħra. F’Jannar 2014 sfortunatament kien hemm nirien li ħakmu parti mir-Reception area tal-Berġa.