Futbol Sport

Atletico Madrid u Juventus jiltaqgħu llejla fl-istadium fejn se tintlagħab il-finali

(Ritratt: EPA)

Atletico Madrid u Juventus se jiltaqgħu kontra xulxin f’logħba mistennija fil-Wanda Metropolitano, l-istadium li fih se tintlagħab il-finali. Iż-żewġ timijiet għandhom l-istess għan iżda wkoll b’passat riċenti fil-kompetizzjoni simili. It-tnejn waslu għall-finali darbtejn fl-aħħar ħames staġuni iżda fl-okkażjonijiet kollha spiċċaw fuq in-naħa telliefa.

It-tim ta’ Diego Simeone jinsab f’din il-fażi għall-ħames darba fl-aħħar sitt staġuni iżda fl-istaġun li għadda kienu eliminati fil-fażi tal-gruppi. Atletico Madrid hu tim li f’partiti knock-out ikun solidu, tant li ilhom 12-il logħba ma jitilfu f’knock-out taċ-Champions League.

Minbarra l-passat riċenti, iż-żewġ klabbs għandhom ukoll sens ta’ kontinwita fit-tmexxija, hekk kif f’dan id-diċenju fetħu stadium ġdid u l-kowċis tagħhom ilhom għal sensiela ta’ staġuni jmexxu t-tim. L-istil ta’ logħob kemm ta’ Diego Simeone kif ukoll Massimiliano Allegri hu simili minħabba li għandhom tendenzi li f’mumenti jkunu ftit difensivi u għalhekk se jkun importanti għal min jirnexxilu jiskorja l-ewwel.

Fil-konfront l-ieħor, Manchester City jibdew ftit favoriti anki jekk se jibdew barra minn darhom kontra Schalke. It-tim Ġermaniż kien eliminat f’din il-fażi fl-aħħar tliet edizzjonijiet. Manchester City issa saru tim regolari f’din il-fażi hekk kif għaddew mal-aħħar 16 fl-aħħar sitt staġuni.

Konxji mid-differenza fil-kwalità bejn it-tnejn, Schalke se jkunu qed jippruvaw ikabbru s-sensiela ta’ disa’ logħbiet mingħajr telfa f’darhom f’logħba Ewropea, biex fl-istess ħin jibqgħu jittamaw għal sorpriża fit-tieni leg.