Roger Federer ikkonferma l-parteċipazzjoni tiegħu fl-Open ta’ Madrid ta’ din is-sena, biex b’hekk se jirritorna jilgħab fuq it-tafal wara nuqqas ta’ sentejn. L-għoxrin darba rebbieħ ta’ Grand Slam, għadu ma lagħbx minn meta tilef kontra l-Grieg Stefano Tsitsipas fl-aħħar 16 tal-Open tal-Awstralja x-xahar l-ieħor.
Federer li rebaħ l-Open ta’ Franza darba biss fl-2009, fl-aħħar żewġ staġuni għażel li jaqbeż l-istaġun Ewropew fuq it-tafal biex jikkontrolla l-iskeda tiegħu. L-Iżvizzeru ta’ 37 sena hu t-tieni l-aktar tennist ta’ suċċess f’Madrid wara Rafa Nadal, bi tliet suċċessi fl-2006, fl-2009 u fl-2012.
Id-Direttur tat-Tournament Feliciano Lopez qal li mhux sigriet li Federer hu wieħed mill-aqwa tennisti ta’ kull żmien u ddeskriva din id-deċiżjoni bħala rigal għat-tournament iżda aktar għan-nies li jkunu jistgħu jaraw lit-tennist f’Caja Magica.
Is-sid numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic u l-11-il darba rebbieħ tal-Open ta’ Franza Rafael Nadal ukoll mistennija jilagħbu f’dan it-tournament li se jintlagħab bejn it-3 u t-12 ta’ Mejju.
//= $special ?>