Lokali

IS-SAGA TAT-TOROK: Se jneħħu t-tinda u jinjoraw il-kontejners

Fi stqarrija surreali ppubblikata mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, ġew injorati għal kollox il-kontejners li tpoġġew f’barriera sabiex fihom jitpoġġew il-ħaddiema Torok li qed jinġiebu lejn Malta.

Net News ilu ġimgħat li ppubblika din l-aħbar, iżda kien biss issa li uffiċjali tal-Awtorita’ għamlu spezzjoni fil-post.

L-Awtorita’ qalet illi veru sabet tinda illegali, iżda l-ebda evidenza li qed joqgħodu n-nies fil-post. Minkejja dan, fl-istqarrija ma sar l-ebda aċċenn għall-kontejners u r-ritratti li żvela Net News.

It-TACA ma’ tweġibx

Baqgħu bla tweġiba l-mistoqsijiet li bagħat Net News lil TACA Construction…..waħda minn tal-anqas żewġ kumpaniji Torok li bejniethom se jkunu qed iġibu Malta madwar 5000 ħaddiem Tork biex jaħdmu fuq proġetti ta’ kostruzzjoni.

Din iċ-ċifra hija waħda approsimattiva u baqgħet ma ġietx miċħuda mill-awtoritajiet konċernati.

Fost l-oħrajn dan l-istazzjon staqsa KEMM se jkunu ġejjin ħaddiema, kemm se jdumu f’pajjiżna, x’se jkunu l-kundizzjonijiet li bihom se jkunu qed jaħdmu u fejn se jkunu qegħdin jgħixu.

Diġa nafu li f’barriera fl-Imqabba hemm għadd ta’ ħaddiema li tpoġġew f’kontejners. Net News kien ħareġ bl-aħbar esklussiva li dawn il-ħaddiema kienu tqegħdu f’dawn il-kontejners f’qiegħ barriera abbandunata….possibilment b’mod illegali.

Jidher li dawn il-ħaddiema li issa bdew jaslu f’pajjiżna għall-ewwel tqiegħdu f’residenza abbandunata fuq is-sit tal-barriera li nbidlet f’għadd ta’ kmamar bis-sodod, iżda hekk kif in-numri żdied, dawn kellhom jibdew jitpoġġew f’kontejners li tqegħdu fil-barriera.

Barra minn hekk skont sorsi, dawn il-ħaddiema se jkunu qed jitħallsu bir-rata miżera ta’ €4.50 fis-siegħa….rata li ma tqarribx lejn dik li tingħata lil ħaddiema fil-kostruzzjoni bħalissa…u għalqastant għadd ta’ kuntratturi qed jgħidu li huma qatt ma jistgħu jikkompetu bis-servizz tagħhom ma’ dawn il-prezzijiet.