Lokali

Is-settur bankarju u finanzjarju mhedda mill-aġir tal-Gvern li kisser ir-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna

“Is-settur bankarju u finanzjarju li huwa mibni fuq il-fama tajba li kabbar pajjiżna matul dawn l-aħħar 25 sena jinsab taħt theddida serja minħabba l-aġir tal-Gvern li qed ikisser ir-reputazzjoni tagħna b’daqqiet waħda wara l-oħra.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza laqgħa distrettwali parti mill-Kunsill Ġenerali.

Il-Kap tal-PN qal li l-ħsara li qed issir lir-reputazzjoni ta’ Malta qed ikollu effett negattiv fuq is-sistema bankarja u finanzjarja ta’ Malta. Il-bank HSBC irrapporta li l-profitti naqsu bi 23% u waħda mir-raġunijiet għal dan it-telf huma d-diffikultajiet fis-settur finanzjarju u daqqa fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Adrian Delia qal li minħabba l-ħsara li l-Gvern qed jagħmel lir-reputazzjoni ta’ Malta, negozji eżistenti u oħrajn li jridu jiftħu negozju f’pajjiżna qed isibuha ferm diffiċċli biex jiftħu kont bankarju. Huwa qal li minflok jieħu azzjoni sabiex iħares ir-reputazzjoni ta’ Malta, l-Gvern issa qed jippretendi li jnaqqsu mis-superviżjoni tagħhom biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet kbar tal-Gvern.

Adrian Delia tkellem dwar rapport tal-Parlament Ingliż li minnu jirriżulta li l-Partit Laburista u Joseph Muscat ltaqgħu ma’ rappreżentanti ta’ Henley & Partners qabel l-elezzjoni tal-2013. Dan ir-rapport jikkonferma kif il-bejgħ taċ-ċittadinanza kien diġà deċiż u miftiehem bil-moħbi qabel l-elezzjoni ġenerali. Ir-rapport jgħid b’mod ċar li l-kumpanija SCL Group, li hija wara Cambridge Analytica, kellha laqgħat f’Malta u li Christian Kalin minn Henley & Partners kien iltaqa’ mal-Prim Ministru Joseph Muscat fl-2011 u mal-Partit Laburista qabel l-2013 bis-saħħa ta’ SCL Group. Din l-influwenza wasslet biex wara l-elezzjoni l-Gvern Laburista beda jbiegħ ic-cittadinanza Maltija.

Adrian Delia qal li Joseph Muscat jiftaħar li qed jagħmilha ta’ salesman għal Henley & Partners billi jżur diversi pajjiżi u jikkonvinċi lill-barranin jixtru ċ-ċittadinanza Maltija, u dan kontra l-prinċipju tal-governanza tajba. Huwa qal li matul ix-xhur li għaddew kellna numru kbir ta’ fatti u rapporti minn awtoritajiet Ewropej u internazzjonali li juru l-ħsara li dan il-Gvern għamel lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, bil-Prim Ministru Joseph Muscat dejjem jibqa’ ma jieħux l-azzjoni, b’theddida għas-setturi bankarji u finanzjarji li jiddependu fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-Laqgħa tmexxiet mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono u l-Ko-ordinatriċi tal-Kunsill Ġenerali Amanda Abela.