Futbol Sport

Iż-żewġ difensuri ċentrali jagħtu vantaġġ doppju lil Atletico Madrid

(Ritratt: EPA)

ATLETICO MADRID……………….. 2

J. Oblak, Juanfran, J. Gimenez, D. Godin, F. Luis, S. Niguez, Thomas (T. Lemar 61’), Rodri, Koke (A. Correa 67’), A. Griezmann, D. Costa (A. Morata 58’)

JUVENTUS……………………………… 0

W. Szczesny, M. De Sciglio, L. Bonucci, G. Chiellini, A. Sandro, M. Pjanic (E. Can 72’), R. Bentancur, B. Matuidi (J. Cancelo 84’), P. Dybala (F. Bernardeschi 80’), M. Mandzukic, C. Ronaldo

Imwissija: D. Costa 8’, Thomas 45’, A. Griezmann 89’ (A), A. Sandro 55’ (J)

Skorjaw: J. Gimenez 78’, D. Godin 83’ (A)

Referee: Felix Zwayer (Ġermanja)

Żewġ gowls miż-żewġ difensuri ċentrali fl-aħħar kwarta tal-logħba, taw vantaġġ doppju lil Atletico Madrid. Huma rebħu 2-0 kontra Juventus fil-Wanda Metropolitano biex poġġew lil Juventus f’diffikultà għat-tieni leg li tintlagħab fl-Allianz Stadium.

Juventus marru viċin li jiftħu l-iskor wara disa’ minuti bi free-kick mid-distanza ta’ Cristiano Ronaldo li kien imdawwar f’korner minn Jan Oblak. Atletico Madrid wieġbu mal-kwarta logħob b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Thomas Partey li kien salvat tajjeb minn Wojciech Szczesny.

Atletico Madrid kienu għoddhom rebħu penalty fid-29 minuta għal fawl ta’ Mattia De Sciglio fuq Diego Costa, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR ir-referee Felix Zwayer ordna free-kick. Mill-istess azzjoni, il-free-kick ta’ Antoine Griezmann kien imdawwar f’korner minn Szczesny. Fl-34 minuta Paulo Dybala prova b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li kien salvat minn Oblak.

L-Ispanjoli kellhom l-aħjar ċans sa dak il-ħin fil-50 minuta meta minn żball ta’ Giorgio Chiellini, Atletico ħolqu kontrattakk b’passaġġ fit-tul lejn Diego Costa li rebaħ id-dwell ma’ Leonardo Bonucci iżda minn quddiem il-lasta xeħet barra. Ċans ieħor importanti għal Atletico tliet minuti wara b’Griezmann qabbeż tajjeb iżda daqstant ieħor kienet ir-risposta ta’ Szczesny li xellef bi ftit il-ballun li ħabat mal-mimduda, b’Chiellini jbiegħed il-periklu.

Ir-referee Ġermaniż kellu deċiżjoni oħra kbira fil-71 minuta meta Atletico skorjaw b’daqqa ta’ ras tas-sostitut Alvaro Morata minn kross ta’ Filipe Luis, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, ir-referee ġġudika imbuttatura ta’ Morata fuq Chiellini u ħassar il-gowl.

Iżda Atletico Madrid fetħu l-iskor seba’ minuti wara. Minn korner, daqqa ta’ ras ta’ Morata kienet blokkata parzjalment minn Mandzukic, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ JOSE GIMENEZ li skorja b’xutt fil-baxx. It-tim ta’ Simeone rdoppja fit-82 minuta. Kien free-kick mil-lemin ta’ Griezmann, Mario Mandzukic blokka l-ballun parzjalment li spiċċa għand DIEGO GODIN li b’xutt ftit angolat li kien imxellef minn Cristiano Ronaldo spiċċa fix-xibka.

Juventus marru viċin li jnaqqsu d-distakk fid-89 minuta bi free-kick ta’ Ronaldo għan-nofs lejn is-sostitut Federico Bernardeschi li xxuttja mill-ewwel iżda Oblak kien attent u dawwar f’korner. Tliet minuti wara, kien Bernardeschi li tefa’ kross tajjeb lejn Ronaldo iżda minn qagħda tajba d-daqqa ta’ ras għaddiet għoli.