Mario Gafà, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), tkeċċa mill-kariga tiegħu b’effett immedjat.
NET News jista’ jiżvela li Gafà intalab ma jagħmilx kuntatt mal-impjegati tal-Fondazzjoni mil-lejla stess u ma jidħol fl-ebda forma ta’ operat. Madankollu, għadha mhux magħrufa r-raġuni wara din it-tkeċċija.
Ironikament, din l-aħbar waslet propju fl-istess jum meta l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo beda jiftaħar bl-Iskola ta’ Marsaskala u ddieħaq dwar Skola oħra li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada suppost qed taħdem fuqha u li, minflok, għadha qed tistenna l-permessi għaliha.
Kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern, u Evarist Bartolo bħala Ministru tal-Edukazzjoni, dan is-settur spiċċa f’nofs diversi kontroversji. Fost l-oħrajn għax ma nżammitx il-wegħda li tinbena Skola ġdida kull sena, kif il-poplu kien imdorri jkollu fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti.
Minflok, għal mill-anqas tliet snin, kienu qed jitpoġġew kontejners barra Skejjel biex l-istudenti jingħataw it-tagħlim fihom. Għal diversi drabi, il-Ministru Bartolo kien ipprova jiġġustifika dawn il-kontejners meta kien jgħid li huma “pre-fabricated classrooms”.
Mhux magħruf x’se jkun il-pass li jmiss ta’ Evarist Bartolo, wara t-tkeċċija ta’ Mario Gafà minn CEO tal-FTS, anke wara li l-Ministru ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jipprova jwieġeb in-nuqqasijiet f’settur sensittiv bħal dan.
//= $special ?>