Daniil Kvyat għamel l-aħjar ħin fit-tielet ġurnata ta’ testijiet pjuttost imprevedibbli hekk kif Toro Rosso kienu fuq quddiem fi klassifikazzjoni sorpriża. Kvyat għamel l-aktar dawra veloċi tat-testijiet sa issa f’ħin ta’ 1:17.704 u spiċċa qabel Kimi Raikkonen ta’ Alfa Romeo u Daniel Ricciardo ta’ Renault.
Sebastian Vettel kien l-aktar veloċi għal Ferrari għal ħafna mis-sessjoni ta’ filgħodu iżda temm il-ġurnata fir-raba’ post hekk kif spiċċa aktar minn nofs sekonda wara Kvyat. Kvyat li qed jirritorna fil-Formula 1, għamel id-dawra veloċi fuq l-aktar sett ta’ tryes għad-dispożizzjoni u għadu mhux magħruf l-ammont ta’ fuel li kull tim kellu.
Williams finalment bdew l-istaġun tagħhom wara li tilfu l-ewwel jumejn filwaqt li Mercedes komplew iżommu profil baxx. Minbarra s-sewwieqa ta’ Williams, Valtteri Bottas u Lewis Hamilton kienu l-agħar sewwieqa f’termini ta’ ħinijiet. Iżda ċ-champions tad-dinja kienu l-aktar li għamlu dawriet b’total ta’ 182 dawra u qalu li qed jiffukaw li jimmassimizzaw id-dawriet filwaqt li qed jaħdmu skont il-programm tagħhom.
Kvyat għamel l-aħjar ħin fl-aħħar kwarta tal-ġurnata, b’Raikkonen jagħmel l-aħjar ħin fuq Alfa Romeo għal ħafna mill-ġurnata. Ferrari kienu spiċċaw l-ewwel fl-ewwel jumejn u spiċċaw il-programm tagħhom aktar minn nofs siegħa għat-tmiem tas-sessjoni.
Max Verstappen tar-Red Bull għamel il-ħames l-aħjar ħin hekk kif Red Bull qed jibdew jiżvelaw is-saħħa tagħhom b’magna Honda, filwaqt li Nico Hulkenberg ukoll għamel ħin ta’ minuta u 18-il sekonda għal Renault.
//= $special ?>