Futbol Sport

Manchester City jiskorjaw darbtejn bi plejer anqas

(Ritratt: EPA)

SCHALKE 04……………………….. 2

R. Faehrmann, D. Caligiuri, J. Bruma, S. Sane, M. Nastasic, B. Oczipka, W. McKennie (S. Skrzybski 77’), S. Serdar, N. Bentaleb, H. Mendyl (G. Burgstaller 65’), M. Uth (A. Harit 88’)

MANCHESTER CITY…………….. 3

E. Moraes, K. Walker, Fernandinho, N. Otamendi, A. Laporte, I. Gundogan, K. De Bruyne (O. Zinchenko 87’), D. Silva (V. Kompany 70’), B. Silva, R. Sterling, S. Aguero (L. Sane 78’)

Imwissija: N. Otamendi 37’, Fernandinho 73’, E. Moraes 95’ (M), M. Uth 41’, S. Sane 73’, G. Burgstaller 95’ (S)

Skorjaw: S. Aguero 18’, L. Sane 85’, R. Sterling 90’ (M), N. Bentaleb 38’ pen, 45’ pen (S)

Tkeċċa: N. Otamendi 68’ (M)

Referee: Carlos del Cerro (Spanja)

Żewġ gowls meta kienu b’10 plejers taw rebħa fondamentali lil Manchester City li b’hekk huma favoriti netti li jikkwalifikaw mal-aħħar tmienja. Il-logħba nvolviet fosthom żewġ penatlies u tkeċċija kif ukoll serje ta’ argumenti.

Manchester City ħolqu l-ewwel okkażjoni wara seba’ minuti b’daqqa ta’ ras ta’ Sergio Aguero li kienet imdawra f’korner minn Ralf Faehrmann. It-tim Ingliż fetaħ l-iskor fit-18-il minuta meta David Silva seraq ballun mingħand Salif Sane wara passaġġ ħażin tal-gowlkiper, u qassam lejn SERGIO AGUERO li skorja f’lasta vojta. Il-plejers ta’ Schalke bdew jipprotestaw minħabba fawl f’nofs il-grawnd iżda kkonvalida l-gowl.

Schalke ġabu d-draw fit-38 minuta meta r-referee Carlos del Cerro ordna penalty wara li xutt ta’ Daniel Caligiuri ħabat ma’ id Nicolas Otamendi, deċiżjoni konfermata bil-VAR. Mill-11-il metru nkariga ruħu NABIL BENTALEB li għeleb lil Ederson.

It-tim ta’ Domenico Tedesco ngħata t-tieni penalty qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Fernandinho deher jiġbed lil Salif Sane. NABIL BENTALEB reġa’ ta l-penalty u għalkemm bidel id-direzzjoni sab ix-xibka, bil-gowlkiper avversarju jmiss biss il-ballun.

Manchester City kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas fit-68 minuta wara li Otamendi ntwera t-tieni karta safra għal fawl fuq is-sostitut Guido Burgstaller. Minkejja l-inferjorità numerika, Manchester City skorjaw il-gowl tad-draw fil-85 minuta bi free-kick mill-isbaħ ta’ LEROY SANE li ma ta l-ebda ċans lil Faehrmann.

L-Ingliżi saħansitra skorjaw il-gowl tar-rebħa fid-90 minuta meta minn ballun fit-tul, RAHEEM STERLING rebaħ id-dwell ma’ Bastian Oczipka u għadda l-ballun wara Faehrmann.