Malti li fis-sajf li għadda, meta kellu 17-il sena, tajjar ċiklist ta’ 77 sena waqt li kien qed isuq bla liċenzja fil-Polonja, ingħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs u pagament ta’ €6,921 lill-mara tal-vittma. B’din is-sentenza, iż-żagħżugħ ma jistax isuq għal għomru.
Il-Malti, identifikat biss bħala Pietro C., kellu 17-il sena meta seħħ l-inċident, bl-anzjan imut mal-impatt. Iż-żagħżugħ ilu sa minn Ġunju tas-sena li għaddiet jinżamm taħt arrest waqt li jistenna s-sentenza.
Minbarra li nstab li kien taħt l-effett tad-droga u kien qed isuq mingħajr liċenzja jew polza tal-assigurazzjoni, iż-żagħżugħ kien qed isuq b’mill-inqas id-doppju tal-limitu tal-veloċità.
Is-sentenza dwar dan l-inċident, li seħħ fit-3 ta’ Ġunju li għadda, ingħatat minn Qorti distrettwali ta’ Piaseczyn, il-Polonja, fejn iż-żagħżugħ kien qed iżur lil missieru li hu negozjant Malti.
Il-Malti mistenni jappella mis-sentenza, anke fid-dawl li d-difiża nnutat li “d-deċiżjoni hi ħarxa wisq, għaliex ma tiħux kont tal-eta’ tal-akkużat kif ukoll is-sinjali skorretti tat-triq.”
Id-difiża nnutat ukoll li “t-test tal-preżenza tad-droga sar ġimgħat wara li seħħ il-każ u bi ksur tal-protokoll, hekk kif ma kienx hemm il-firma tal-akkużat.”