Lokali

Il-Gvern jikkonferma r-riżenja tas-CEO tal-FTS

24 siegħa wara li dan l-istazzjon żvela li tkeċċa l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, l-FTS, din l-istorja kienet konfermata bil-Gvern jippubblika l-ittra tar-riżenja tiegħu.

Dan wara li iktar kmieni matul il-ġurnata, fl-unika attività li l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kellu matul il-ġurnata, hu ħarab mill-midja u ma tax l-opportunità li nistaqsuh dwar dan.

Ir-riżenja ta’ Mario Gafa mill-FTS daħlet fis-seħħ il-ġimgħa li għaddiet, bir-riżenja tkun datata l-15 ta’ Frar.

Din hi t-tielet bidla ta’ uffiċjal għoli fit-tmexxija tal-FTS taħt amministrazzjoni ta’ Gvern Laburista, bl-iktar każ li jispikka kien dak ta’ Philip Rizzo wara li rrapporta każ ta’ korruzzjoni mill-canvasser ta’ Evarist Bartolo, Edward Caruana.

Mario Gafa kien ilu biss sena u nofs f’din il-kariga wara li dak preċedenti, Raphael Axiak, kien iddikjara li ma jixtieqx ikompli malli spiċċa t-terminu tiegħu, fl-2017.

It-tibdil spiss fi ħdan din il-Fondazzjoni hu sintomatiku mal-falliment tal-istess FTS, li fost oħrajn falliet il-wegħda tal-Gvern li jibni skola ġdida kull sena.

Fl-ittra tar-riżenja tiegħu, gafa fost oħrajn jirrimarka li jinsab onorat li d-disinn tal-Iskola Primarja tal-Imsida jinsab fi stadju avvanzat, minkejja li din l-iskola ilha mwegħda snin u x-xogħol fuqha għadu lanqas biss beda.

Dan kien konfermat fil-Parlament, fejn il-Ministru Evarist Bartolo, meta mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Clyde Puli, iddikjara li l-FTS qed tappella minnd eċiżjoni li l-binja tal-iskola tkun skedata. Qabel tingħata deċiżjoni, ix-xogħol fuq l-iskola lanqas biss jista’ jibda.

Gafa jiftaħar ukoll, fost oħrajn, bl-estensjoni tal-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex u taż-Żejtun – żewġ skejjel oħra li ilhom imwegħda snin u x-xogħol fuqhom waqa’ lura sew. Biss biss, fl-iskola taż-Żejtun saħansitra se jintefgħu l-istudenti fil-kontejners … xi ħaġa li l-Ministru Evarist Bartolo l-Ħamis ironizza dwarha.

Il-problemi fl-FTS huma biss riflessjoni żgħira tal-falliment fis-settur tal-edukazzjoni f’Malta, fejn fost oħrajn insibu diversi direttivi mill-MUT u l-UPE li għadhom fis-seħħ, inkluż kawża tal-abbuż fil-konfront tal-edukaturi.