Internazzjonali

Imħallfin Litweni arrestati f’kampanja kontra l-korruzzjoni

26 persuna ġew arrestati fil-Litwanja, inklużi 8 imħallfin ewlenin u 5 avukati f’kampanja kontra l-korruzzjoni mmexxija mill-Gvern Litwen hekk kif il-Prim Ministru Saulius Skvernelis saħaq li huwa ż-żmien li jieqfu darba għal dejjem lil dawk li mingħalihom huma ‘il fuq mil-liġi.

Il-Prosekutur Ġenerali Edvinas Pasilis sostna li l-awtoritajiet skoprew b’sistema ta’ korruzzjoni estensiva fejn uħud mill-membri tal-ġudikatura kienu qed jixxaħħmu. Huwa sostna li l-verdetti tat-tminn imħallfin involuti ser jerġgħu jiġu riveduti.

Zydrunas Bartkus, id-Direttur tal-aġenzija kontra l-korruzzjoni qal li hemm evidenza biżejjed li turi li kien hemm tixħim li jvarja minn €1,000 sa xejn inqas minn €100,000.

Permezz ta’ Facebook, il-Prim Ministru Litwen sostna li kulħadd għandu jieħu tgħalima minn dak li ġara – żmien il-‘bulijiet’ spiċċa.