Lokali

“Jeħtieġ azzjoni konkreta biex tkun miġġielda l-pjaga tal-abbużi mill-membri tal-kleru” – Il-Papa Franġisku

Sinodu bla preċedent wara li s-sena li għaddiet, il-Knisja Kattolika kienet mheżża minn tliet skandli oħra ta' abbużi sesswali fuq minuri minn membri tal-kleru.

Il-Poplu ta’ Alla mhux qed jistenna sempliċi kundanna mingħandna, iżda azzjoni konkreta u miżuri effettivi biex tkun miġġielda l-pjaga tal-abbużi sesswali mill-membri tal-kleru fuq minuri u adulti vulnerabbli.

Sostna dan il-Papa Franġisku meta fetaħ sinodu tal-Knisja Kattolika f’Ruma li fih il-Papa sejjaħ il-Kardinali u l-Isqfijiet minn madwar id-dinja fejn matul it-tliet ijiem li ġejjin se jiddiskuti miżuri sabiex ikun hemm prevenzjoni u tittieħed azzjoni meta jseħħu każi bħal dawn.

Is-Sinodu kien indirizzat ukoll mill-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna li fl-introduzzjoni tiegħu qal li kien hemm erba’ fatturi prinċipali li qed iwasslu għal din il-kriżi li qed tiffaċċja l-Knisja. Proċeduri inadekwati ta’ screening għal kandidati li jixtiequ jibdew ħajja ta’ saċerdozju jew f’ordni reliġjuż; nuqqas ta’ formazzjoni fis-seminarji u novizzjati; tendenza fis-soċjeta’ li tiffavorixxi membri tal-kleru u figuri oħra ta’ awtorita’ u inkwiet mhux f’loku biex jipproteġu r-reputazzjoni tal-Knisja li jwassal sabiex ma jkunu applikati l-penali eżistenti fil-liġi kanonika.

Fakkar li l-komunita’ għandha d-dmir u d-dritt li tirrapporta abbużi ta’ natura sesswali lill-persuna maħtura apposta fid-djoċesi jew ordni reliġjuż u li din il-persuna tkun magħrufa.

Mons Scicluna kompla li dejjem u f’kull każ għandha tingħata koperazzjoni sħiħa lill-awtoritajiet ċivili li jkunu qed jinvestigaw il-każ.

Fl-aħħarnett, l-Isqfijiet għandhom jipproteġu lil dawk li huma l-iktar vulnerabbli. Hija biss azzjoni deċiżiva b’onesta u trasparenza terġa tnissel il-fiduċja u r-rispett tal-komunita’ fil-konfront tal-Knisja.

Is-summit tlaqqa’ wara  li s-sena li għaddiet, il-Knisja Kattolika għal darb’oħra kienet mheżża minn sensiela ta’ skandli ta’ abbużi sesswali minn  membri tal-kleru fuq minuri fiċ-Ċile, fil-Ġermanja u fl-Istati Uniti.

Monsinjur Scicluna ilu għal dawn l-aħħar snin jinvestiga każi ta’ abbużi fuq minuri minn membri tal-kleru. Is-sena li għaddiet, hu kien intgħażel mill-Papa Franġisku sabiex jinvestiga u jiltaqa’ ma’ vittmi fiċ-Ċile wara li d-djoċesi f’dan il-pajjiż kienet għattiet l-abbużi u ipproteġiet lil min wettaq l-abbużi.