Futbol Sport

Pospost l-ewwel pagament tat-trasferiment ta’ Sala

Cardiff u Nantes qablu li jestendu d-data tal-għeluq tal-ewwel pagament tat-trasferiment ta’ Emiliano Sala sas-27 ta’ Frar. Il-Bluebirds kienu mitluba jagħmlu l-ewwel pagament ta’ €6 miljuni lil Nantes sal-bieraħ iżda l-klabbs qablu li jipposponu b’ġimgħa.

Sala miet meta l-ajruplan privat li kien se jwasslu lejn Cardiff waqa’ fil-Kanal Ingliż fil-21 ta’ Jannar, jumejn biss wara li kien magħluq it-trasferiment ma’ Cardiff. Il-ġisem tal-plejer ta’ 28 sena nstab wara tfittxija twila, bil-bdot David Ibbotson jibqa’ ma jinstabx.

Is-sitwazzjoni hi aktar komplikata minn Nantes minħabba li jridu jagħtu 50% tal-pagament lil Bordeaux minħabba klawsola li teżisti. Jekk il-kwistjoni ma tkunx riżolta, tista’ tispiċċa f’idejn il-FIFA jew tmur dirett għall-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv.