Lokali

Proposti biex tkompli tiżdied ir-rata ta’ suċċess fil-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider

Il-Kanċer tas-sider hu fost l-aktar kanċer frekwenti f’Malta b’350 każ ġdid kull sena. Grazzi għall-professjonisti Maltin hawn rata ta’ sopravivenza ta’ 87%.

Din il-marda għandha tkun miġġielda b’kull mod possibbli u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista se jressaq iktar proposti li jkunu ibbażati fuq konsultazzjoni mal-professjonisti fis-settur. Dan qalu l-ewro parlamentari Francis Zammit Dimech waqt żjara fl-Agatha Breast Unit fl-Isptar Mater Dei li matulha iltaqa’ mal-professjonisti li b’tant dedikazzjoni joffru kura lill-pazjenti tal-kanċer.

Francis Zammit Dimech elenka l-proposti tal-PN fejn tidhol il-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider li uħud ġejjin mill-professjonisti stess u l-għaqdiet.

Fosthom investiment akbar fil-Breast Clinic biex tiżviluppa aktar u tkompli fil-mira ambizzjuza tagħha li tkun ċertifikata mill-European Society of Breast Cancer Specialists (EUSOMA). Aktar empowerment tal-pazjent sabiex dawn ikunu jistgħu isaqsu għal trattament multi-dixxiplinarju u Programmi ta’ prevenzjoni fl-iskejjel minn età żgħira fuq konsum ta’ ikel tajjeb u programmi ta’ hajja sana permezz ta’ eżerċizzju.

Zammit Dimech enfasizza li l-ġlieda kontra l-obeżità hi kruċjali skond dak li qed jgħiduh l-istess professjonisti. Hu żied li għalhekk dawn il-proposti wkoll jikkumplimentaw dak li qed jipproponu l-professjonisti. Hu faħħar il-ħidma tal-professjonisti li wassal biex Malta kisbet riżultati aqwa minn pajjiżi bħal Franza, Belġju, Danimarka, Ġermanja l-Ingilterra u l-Italja fost l-oħrajn fejn tidħol trattament ta’ persuni li jesperjenzaw il-kanċer tas-sider.

Aktar kmieni dan ix-xahar fil-Parlament Ewropew sar dibattitu dwar il-kanċer fost in-nisa u Zammit Dimech kien appella sabiex ikun hemm aktar għarfien sabiex titjib r-rata ta’ screening fost in-nisa imsejħa biex jipparteċipaw f’dan il-programm.