Rugby Sport

Rebħiet għal Stompers u Kavallieri

(Ritratt: Ian Aquilina)

STOMPERS……………… 28   FALCONS………………… 21

Stompers kisbu rebħa importanti meta għelbu lil Falcons 28-21 bi prestazzjoni tajba fit-tieni taqsima, f’logħba kkundizzjonata mir-riħ.

Fatt interessanti kien li r-referee Sam Ramage kellu jinbidel fil-ħin tal-mistrieħ minħabba li weġġa’ u kompliet il-logħba Mirea Dykstra li kienet preżenti biex tikkontrolla t-tournament internazzjonali tan-nisa. Iż-żewġ timijiet kienu mingħajr diversi plejers imweġġgħin jew sospiżi.

Kienu Stompers li marru minn fuq wara tmien minuti bi try ta’ Jon Jon Micallef u conversion ta’ Malcolm Attard. Sa tmiem l-ewwel taqsima, il-vantaġġ ta’ 7-0, inbidel f’vantaġġ ta’ 14-7 għal Falcons. Brendan Dalton ġab id-draw bi try u conversion fit-28 minuta biex Pietro Pedrazzi għamel it-tielet try tal-logħba, b’Dalton idaħħal lit-tim jistrieħ b’seba’ punti minn fuq.

Fit-tieni taqsima, Stompers irkupraw l-iżvantaġġ fil-50 minuta bi try ta’ Paolo Zanin u conversion ta’ Attard. Falcons sofrew daqqa ta’ ħarta meta kellu joħroġ il-plejer/kowċ tat-tim Daniel Holliday. Il-koppja Zanin u Attard reġgħet kienet strumentali biex tat seba’ punti oħra lil Stompers lejn nofs it-taqsima. Huma għalqu l-logħba bi try ta’ Patrick Satariano u conversion ta’ Attard, b’Falcons inaqqsu d-distakk lejn it-tmiem bi try ta’ Ciaran Mullan u conversion ta’ Dalton.

KAVALLIERI…………… 26   OVERSEAS……………… 21

Kavallieri dawru telfa f’rebħa biex għelbu l-isfida ta’ Overseas 26-21. Overseas kellhom vantaġġ ta’ 8-0 bi try ta’ Benoit Boydens u penalty ta’ James Widdop. Lloyd Mhiripiri naqqas id-distakk qabel tmiem l-ewwel taqsima bl-ewwel try għal Kavallieri.

Fit-tieni taqsima, Overseas reġgħu kabbru l-vantaġġ bi try ta’ Thomas Latterade, iżda try ta’ Ousmane Konate u conversion ta’ Jethro Zammit Randich naqqsu d-distakk għal punt. James Widdop skorja penalty u għamel l-iskor 16-12, iżda l-iżvolta seħħet meta Konate u Zammit Randich skorjaw it-tieni try u conversion konsekuttiva biex poġġew lil Kavallieri 19-16 minn fuq. Huma għalqu l-logħba bi try ta’ Shogo Yoshizawa u conversion ta’ Jethro Zammit Randich, bit-try ta’ Aiden Grech ikun inutli.

Tags