Lokali

Se nibqgħu niddefendu lill-ħaddiema u l-familji filwaqt li nressqu aktar proposti konkreti għall-ġid ta’ kulħadd

“Se nibqgħu niddefendu lill-ħaddiema u l-familji filwaqt li nressqu aktar proposti konkreti għall-ġid ta’ kulħadd speċjalment dawk is-setturi li ntesew mill-Gvern.” Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza laqgħa distrettwali parti mill-Kunsill Ġenerali.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed ikun il-vuċi tal-Għawdxin li qed iħossuhom totalment injorati mill-Gvern Laburista, li jrid iwaqqaf awtorità kkontrollata mill-Ministru flok jagħtihom il-poteri li jiddeċiedu huma stess. B’din l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali għal Għawdex, l-Gvern mhu se jagħmel xejn ħlief awtorità oħra li tkun appuntata direttament mill-Ministru, awtorità bla poteri eżekuttivi u bla finanzjament sabiex isiru proġetti. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista minflok irid li jitwaqqaf Kunsill Reġjonali li jkun elett direttament mill-Għawdxin b’poteri eżekuttivi u b’finanzjament adegwat. Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed Għawdex reġjun fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, biex l-Għawdxin jiddeċiedu huma u mhux jibqgħu jiġu mwegħda u ma jsir xejn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li bħalma qed jitkellem għall-Għawdxin, il-PN u se jitkellem ukoll għan-nies tad-9 u l-10 distrett, għas-Slimiżi li għandhom problema kbira ta’ parkeġġ u għall-Ġiljaniżi li kuljum ikollhom iħabbtu wiċċhom mat-traffiku li dejjem qed jiżdied. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista issa ilu jitkellem fuq il-problemi li qed jinħolqu bil-politika tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan, liema mudell ekonomiku qed joħloq diffikultajiet f’bosta setturi fosthom, l-pagi, l-kirjiet, it-trasport u l-infrastruttura. It-tħassib tan-nies deher ukoll fl-aħħar Ewrobarometru fejn l-immigrazzjoni, l-housing u l-ambjent huma l-aktar setturi li qed jinkwetaw lill-Maltin u l-Għawdxin.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi ta’ min qed ibati bil-politika tal-Gvern Laburista, bħall-ħaddiema li qed ibatu ċ-cheap labour u l-prekarjat minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni bla pjan, l-anzjani li qed ibatu minn pensjonijiet baxxi, min m’għandux saqaf fuq rasu, n-negozji żgħar li qed isibuha diffiċli biex jiftħu kont bankarju minħabba li l-Gvern qed ikisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u l-familji li qed iħossu ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel u tal-affarijiet essenzjali. Adrian Delia qal li mill-Oppożizzjoni, l-Partit Nazzjonalista qed iressaq bosta proposti konkreti fosthom għall-kunsilli lokali, l-ekonomija, l-bdiewa, l-qbiela, l-kanċer, l-iskart tal-kostruzzjoni, l-work life balance u l-Għawdex.

Għal din il-laqgħa distrettwali, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono u l-kordinattriċi tal-Kunsill Ġenerali Amanda Abela.