Lokali

“Se nitilfu l-qaleb u l-ġbejna” – Kunsillier Laburista f’Ħaż-Żabbar

"Dik hija l-bidla li ried il-poplu, issa jkollu joqgħod għaliha"

Kunsillier Laburista f’Ħaż-Żabbar permezz ta’ post fuq Facebook qal li s-settur tal-proprjetà għaddej minn taqlib enormi u li qed iħalli impatt fuq kulħadd, speċjalment fuq dawk li qed jikru l-post biex jgħixu. Mark Grech qal li ma jistax ikun persuna li qed tikri post, b’€600 fix-xahar tintalab li fl-għeluq tal-kuntratt iħallas €1,000 fix-xahar.

Huwa għalaq il-messaġġ billi qal li ma jisax ikun nitilfu r-reputazzjoni ta’ Malta, għax b’hekk “se nitilfu l-qaleb u l-ġbejna”.

Ir-reazzjonijiet fuq Facebook dwar il-prezzijiet fis-settur tal-housing u l-prezz tal-proprjeta’ f’pajjiżna komplew jiġu diskussi f’numru ta’ gruppi, b’uħud jgħidu li din hija frott il-bidla li xtaq il-poplu Malti. Uħud qalu li min suppost qed jieħu ħsieb dawn l-affarjiet li ma jsirux, injora s-settur kollu. Persuna partikolari tkellem ukoll fuq ulied uliedna, u l-kriżi li dawn se jsibu quddiem wiċċhom. Oħrajn qalu li f’pajjiżna l-Maltin qed isiru barranin, dan f’Malta stess.

Dan kompla jikkonferma dak li qed jidher fil-Eurobarometer, fejn qed jirriżulta li 30 fil-mija tal-Maltin huma mħassba fuq is-settur tal-proprjeta’; tħassib illi kiber sew minħabba l-isplużjoni fil-prezzijiet, u ż-żieda qawwija fl-ispejjes biex wieħed jikri.