Meta lbieraħ intlagħbu t-tieni legs tar-rawnd tal-aħħar 32 tal-Europa League, ftit li xejn kien hemm sosrpiżi, għajr għall-eliminazzjoni ta’ Bayer Leverkusen li f’darhom kienu miżmuma minn Krasnodar 1-1, bir-Russi jgħaddu grazzi għall-gowl skorjat fil-Ġermanja. Arsenal irkupraw wara t-telfa sorprendenti tal-ewwel leg fil-Belarus kontra BATE. Awtogowl kmieni ta’ Volkov witta t-triq għall-Gunners li skorjaw il-gowls l-oħra permezz ta’ Mustafi u Sokratis. Il-klabb l-ieħor Ingliż Chelsea ukoll rebaħ 3-0 kontra Malmo biex għadda b’aggregate ta’ 5-1. Għat-tim ta’ Sarri gowls fit-tieni taqsima minn Giroud wara pass ta’ Willian, freekick pinġut ta’ Ross Barkley u t-tielet gowl ta’ Hudson-Odoi sitt minuti minn tmiem il-logħba. Kif kien mistenni Inter u Napoli ukoll għaddew mal-aħħar sittax.
F’San Siro Inter kellhom prestazzjoni mill-aqwa kontra Rapid Vjenna fejn rebħu 4-0 għal aggregate ta’ 5-0. Inter bnew vantaġġ doppju sal-ewwel tmintax-il minuta b’gowls ta’ Vecino u Ranocchia. Fit-tieni taqsima l-aħjar plejer ta’ Inter Ivan Perisic skorja ġmiel ta’ gowl għat-tielet wieħed u s-sostitut Politano skorja r-raba’ gowl wara pass ta’ Perisic. Fi Stadio San Paolo Napoli għelbu lil FC Zurich 2-0 biex għaddew b’aggregate ta’ 5-1. Għal Napoli gowl f’kull taqsima ta’ Verdi u Ounas.
Benfica wkoll għaddew minkejja draw ta’ mingħajr gowls f’Lisbona kontra Galatasaray iżda Benfica kienu rebħu l-ewwel leg fit-Turkija. Mill-iktar interessanti kien il-konfront bejn Real Betis u Stade Rennes, fejn wara d-draw spettakolari ta’ 3-3 fi Franza l-ġimgħa l-oħra, Rennes ilbieraħ rebħu 3-1 fi Spanja biex għaddew b’aggregate ta’ 6-4. Anki Slavia Prague kisbu kwalifikazzjoni mpressjonanti meta wara draw ta’ mingħajr gowls f’darhom kontra Genk, ilbieraħ rebħu 4-1 fil-Belġju. Dynamo Kiev ukoll avanzaw b’rebħa ta’ 1-0 fl-Ukrajna kontra Olympiacos biex għaddew b’aggregate ta’ 1-0. Zenit ukoll dawru r-riżultat kontra Fenerbahce li kienu rebħu 1-0 fl-ewwel leg fit-Turkija.
Ilbieraħ Zenit aċċertaw minn passaġġ għal rawnd ieħor b’rebħa ta’ 3-1 fuq it-Torok.
Il-poloz tar-rawnd ta’ aħħar sittax jittellgħu illum wara nofsinhar.
Riżultati:
Arsenal v BATE 3-0
Zagreb v Plzen 3-0
Frankfurt v Shakhtar 4-1
Napoli v Zurich 2-0
Salzburg v Brugge 4-0
Valencia v Celtic 1-0
Villarreal v Sporting 1-1
Zenit v Fenerbahce 3-1
Leverkusen v Krasnodar 1-1
Benfica v Galatasaray 0-0
Betis v Rennes 1-3
Chelsea v Malmo 3-0
Kiev v Olympiacos 1-0
Genk v Slavia 1-4
Inter v Rapid 4-0